Internazzjonali

Renju Unit: Tfittxija fir-residenza ta’ terrorista

Il-pulizija, fl-aħħar sigħat, kienu qed ifittxu fir-residenza ta’ żgħażugħ li nhar il-Ħadd kien attakka u darab numru ta’ nies b’sikkina f’każ li l-awtoritajiet iddikjaraw bħala ‘relatat mat-terroriżmu Iżlamiku’.

Iż-żgħażugħ, Sudesh Amman ta’ 20 sena, kien spiċċa maqtul minn tiri li sparawlu l-pulizija li wieġbu għall-attakk li kien għaddej fi Streatham High Road, f’Londra. Amman kien inħeles mill-ħabs xi jiem qabel l-attakk u wara li hu kien skonta nofs sentenza ta’ priġunerija li ngħata għal ‘reati konnessi mat-terrur’. Ingħad li l-aggressur, fl-aħħar jiem, kien qiegħed ‘taħt is-sorveljanza tal-pulizija’.

Fl-attakk ta’ Amman spiċċaw midruba tliet persuni iżda ħadd minnhom ma jinsab f’periklu li jitlef ħajtu.

Intant, il-pulizija t għaddejja bi tfittxija fil-hostel fejn kien residenti Amman bit-tama li jsibu materjal li jixħet aktar dawl fuq il-każ. Il-pulizija ta’ Scotland Yard kienu anki qed ifittxu f’indirizzi residenzjali fin-naħa t’isfel ta’ Londra u f’Bishop’s Stortford, f’Hertfordshire.

L-investigazzjoni qed titmexxa mill-uffiċjali tal-Counter Terrorism Command tal-Pulizija Metropolitana u s’issa ma kienu saru l-ebda arresti, ‘bl-inkjesta qed tkompli ‘.