Lokali Qorti

Sid il-Mercedes jgħid li m’għandux idea min seta’ ħaraqilu

Sid il-karozza li spiċċat maħruqa f’Novembru li għadda fil-Belt Valletta qal li m’għandux idea min seta’ ħaraqlu l-karozza Mercedes li kienet ipparkjata fi Triq San Duminku. Huwa qal fil-Qorti li qatt ma kellu xi jgħid ma’ ħadd u għalhekk ma kien qed jissuspetta f’ħadd.

Qal li huwa Bormliż u kien il-Belt għand il-partner tiegħu meta matul il-lejl tal-10 ta’ Novembru sema’ ħafna għajjat minn xi ġirien. Qal li huwa qam biex jara x’kien ġara u skopra li l-karozza tiegħu kienet ħadet in-nar.

Huwa kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Judith Bakoush ta’ 29 sena u Omar Joseph Trabelsi ta’ 31 sena, li qegħdin jiġu mixlijin li taw in-nar u li kkawżaw ħsara kbira fuq il-karozza Mercedes u oħra li kienet ipparkjata maġenba.

Sadanittant xehed ukoll sid il-karozza Citroen, li kellu l-karozza pparkjata maġenb il-Mercedes, li spiċċat maħruqa kompletament. Huwa qal li anke l-karozza tiegħu spiċċat ‘total loss’.

Tenna li sa issa għadu ma ħa xejn mill-kumpanija tal-assigurazzjoni u tenna wkoll li saritlu wkoll ħsara konsiderevoli fil-faċċata tal-garaxx tiegħu, anke fuq in-naħa ta’ ġewwa.

Bakoush, kienet ingħatat il-libertà proviżorja mill-Qorti tal-Maġistrati, li iżda kienet revokati mill-Qorti tal-Appell nhar il-Ħamis, li għadda. Wara li x-xhieda pajżana issa xehdu kollha, saret talba oħra għal libertà proviżorja bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello tilqa’ t-talba bl-istess kundizzjoniojiet li kellha qabel.

Anke Trabelsi kellu t-talba għal libertà proviżorja milqugħa u dan wara li ommu li tgħix iż-Żurrieq qalet fil-Qorti li hija lesta żżommu magħha. Huwa qal ukoll li bħala qiegħed jingħata t-terapija għal problema ta’ droga li għandu, u fikl-Qorti xehdet ukoll ‘care worker’ mis-Sedqa fejn qalet li hija qed tikkurah u dan biex jibda programm kontra l-vizzju tad-droga.

Il-Qorti wissiet lil Trabelsi biex joqgħod mal-ordnijiet kollha tal-Qorti li jinkludu li jrid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq kuljum, li jidħol id-dar mhux aktar tard mit-8.00pm u ma joħroġ qabel id-7.00am. Huwa jrid ukoll jagħmel tajjeb għall-ħelsien mill-arrest fuq depoiżitu ta’ €700, u garanzija personali ta’ €7,000.

Fil-Qorti xehed ukoll kuntistabbli tal-Pulizija mill-Għassa tal-Belt li qal li ftit qabel is-sagħtejn ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ filgħodu fejn kienet ippjanata u sussegwentement seħħ il-ħruq tal-karozzi, Judith Bakoush kienet qed isegwi l-operazzjoni kollha mill-gallarija.

Qal li f’din l-operazzjoni kienu hemm ħames persuni nvoluti, żewġ nisa u tliet irġiel. Minbarra l-akkużati kien hemm ċertu Ahmed al Furjani , fejn dan ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u sa qalilhom li Bakoush qalet lil Trabelsi wara l-ħruq tal-Mercedes li ma kienet se tinsa qatt talli għena biex jaħarqu l-karozza Mercedes.

Il-kuntistabbli qal ukoll li għall-istħarriġ tal-Pulizija kienet importanti CCTV camera li tinsab fi Triq ir-Repubbliku, għax din kixfet ħafna mill-operazzjoni ta’ dan ir-reat, li fih hemm ukoll involut raġel twil aktar minn sitt piedi, li mistenni jitressaq il-Qorti dalwaqt minħabba li l-Pulizija waslet fil-proċess ta’; identifikazzjoni tiegħu.

Huwa spjega ukoll kif il-leħen tagħha kien ingħaraf minn telefonata waqt booking li kien qed isir għal taxi għaż-żewġ persuni li allegatament taw in-nar lill-karozza.

Tenna wkoll li l-Pulizija vverifikat il-vjaġġi kollha tal-kumpaniji li jaħdmu bħala taxis, u sar magħruf li ntużat karozza tal-e-cabs għal dik il-ġurnata u nnutata waħda li waqfet fejn kienet toqgħod Bakoush, eżatt fejn ir-residenza tagħha.

Ix-xhud qal li iżda is-CCTV qabdet lil ċertu Ahmed al Furjani jidħol f’taxi u lil Omar Trabelsi jitkellem max-xufier tat-taxi. Il-Pulizija ordnat kopji tar-recordings tat-telefonati kollha li fihom saru l-bookings għat-taxi. In-mumru tat-telefon huwa ta’ Bakoush u leħinha ġie rikonoxxut fit-telefonata, anke jekk hija użat isem falz, dak li għandu x’jaqsam ma’ Trabelsi meta għamlet il-booking.

Xehed ukoll ix-xufier tat-taxi li qal li kien saq lir-raġel għall-pompa tal-petrol fi Blata l-Bajda u assistih waqt li kien qed jixtri l-fuel minħabba li ma sabx irkaptu kif jimla dak li kien petrol bla ċomb.

Qal li r-raġel li kellu miegħu, kellmu b’Malti mkisser u meta mistoqsi jekk kienx qed jgħarfu fl-awla, pponta lejh, iżda qal ukoll li ma kienx mija fil-mija. Qal ukoll li meta riekeb miegħu kellu flixkun tal-ilma taż-żewġ litri, imma bih ma setax jimla’ l-petrol, u fil-pompa kien hemm żewġ landi, li ħadhom u beda jimlihom hu għalih.

Qal ukoll li kien hemm telefonata fuq il-mobile ma’ dak li riekeb miegħu u f’ħin minnhom tah il-mobile u qallu li dik li kienet għamlet il-booking riedet tkellmu, u din qaltlu fejn iwassal lill-klijent.

Qal li jiftakar li meta wasslu l-Belt, kien mar xi ħadd u tah €10 tal-petrol li kien ħallas minn butu għal klijent. Il-każ ikompli fit-12 ta’ Marzu li ġej bl-Avukati Marion Camilleri u Franco Debono jidhru għal Bakoush u l-Avukat Yanika Zammit Tabona qed tidher għal Trabelsi.