Futbol Sport

Valletta jiftħu l-kampjonat beraħ b’rebħa importanti fuq ir-rivali eterni

Ritratt ta' Christine Borg

Stewart Said 

FLORIANA………….. 0 

VALLETTA……….… 1 

Floriana: I. Akpan, A. Cini, M. Muhamadou, J. Pisani, R. Camenzuli, D. Venancio, U. Arias (A. Caseres 70’), M. Garcia (T. Vella 87’), B. Paiber (J. Busuttil 61’), S. D’Agostino, K. Keqi 

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, R. Camilleri, J. Borg, T. Caruana, R. Muscat, S. Dimech (S. Malano 67’), M. Piciollo (N. Pulis 93’), M. Fontanella, B. Kaljevic (M. Alba 73’) 

Imwissija: M. Fontanella 30’, M. Piciollo 31’ (V), A. Cini 36’, K. Keqi 53’, M. Garcia 57’, I. Akpan 74’ (F) 

Skorja: S. Borg 6’ (V) 

Referee: Alan Mario Sant 

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Roberto Vella 

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Steve Borg (Valletta) 

BOV Plejer tal-logħba: Steve Borg (Valletta) 

Gowl kmieni fil-logħba ta rebħa prezzjuża lil Valletta fuq il-rivali eterni Floriana, f’logħba tattika li kkanċellat l-akbar potenzjal taż-żewġ timijiet. Valletta ħallew lil Floriana distakkati mil-lasta għal ħafna ħin filwaqt li d-difiża ta’ Floriana ftit tat ċans lill-attakkanti ta’ Valletta biex ikunu perikolużi. 

Floriana żgur iħossuhom diżappuntati li minkejja li kellhom aktar pussess, ma kinux perikolużi biżżejjed. Valletta sofrew biss mill-fatt li kellhom gowl vantaġġ u għalhekk ma għalqux il-logħba. 

Dan ir-riżultat ifisser li d-distakk bejn iż-żewġ timijiet niżel għal żewġ punti, b’Floriana xorta jibqgħu waħedhom fil-quċċata. Dan seta’ kien l-aħħar ċans għal Valletta li iżda b’din ir-rebħa kabbru t-tamiet li verament jisfidaw għar-rebħ tat-tielet kampjonat konsekuttiv. 

Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla għamel tliet bidliet mir-rebħa kontra Sliema fil-kampjonat. Henry Bonello rritorna fil-lasta flok Yenz Cini, Steve Borg irritorna mis-sospensjoni u beda flok Jonathan Caruana, bl-attakkant Bojan Kaljevic jibda flok Miguel Alba. 

Żewġ bidliet għal Floriana mir-rebħa kontra Balzan b’Moustapha Muhamadou u d-debuttant Stefano D’Agostino jibdew flok l-imweġġa’ Enzo Ruiz u s-sospiż Tiago Fonseca. Sospiż ukoll kien hemm l-akkwist il-ġdid Marcelo Dias. 

Valletta fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tagħhom wara sitt minuti. Kien free-kick mil-lemin ta’ Triston Caruana viċin il-kaxxa li sab lill-iżmarkat STEVE BORG li b’daqqa ta’ ras minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira għeleb lil Ini Akpan. 

Reazzjoni immedjata ta’ Floriana li żewġ minuti wara resqu qrib id-draw bi free-kick ta’ Diego Venancio li sab lid-difensur Moustapha Muhamadou, bid-daqqa ta’ ras tad-difensur tkun salvata fil-ħin minn Henry Bonello. 

Floriana kellhom aktar pussess tal-ballun u fit-23 minuta kellhom okkażjoni perikoluża b’xutt ta’ Matias Garcia inidirizzat fil-lasta jiġi mblokkat fil-ħin mid-difiża Beltija. 

Fit-33 minuta, daqqa ta’ ras ta’ Mario Fontanella minn korner ġiet f’idejn Akpan u erba’ minuti wara xutt ta’ Steve Borg mid-distanza għadda barra. 

Floriana komplew b’aktar inizjattiva fit-tieni taqsima u fid-49 minuta xutt fil-bxx ta’ Stefano D’Agostino kien salvat darbtejn minn Bonello. Ftit sekondi wara fuq in-naħa l-oħra, xutt ta’ Bojan Kaljevic minn barra l-kaxxa. 

Valletta bdew isibuha diffiċli biex jimponu l-logħba iżda minkejja li Floriana kellhom aktar il-ballun f’saqajhom ma kinux ta’ periklu għal Henry Bonello. Tant li fid-69 minuta Diego Venancio prova bi free-kick mid-distanza li għadda fuq il-mimduda. 

Il-kowċ Furjaniż Potenza żied aktar plejers fl-attakk u fit-92 minuta tela’ anki l-gowlkiper Akpan għal korner. Mill-istess azzjoni, Valletta setgħu għalqu l-logħba iżda f’azzjoni bejn Fontanella u Malano, tal-aħħar xeħet barra minn qagħda ideali f’żewġ okkażjonijiet. L-aħħar tentattiv ta’ Floriana wasal fl-94 minuta bi free-kick ta’ Venancio li kien imbiegħed fil-ġenb minn Bonello.