Lokali

Azzjoni urġenti kontra l-Vjolenza fuq in-nisa

Fid-dawl tal-qtil vjolenti ta’ Chantelle Chetcuti, f’isem il-Partit Nazzjonalista, nikkundannaw bla riżervi dan l-att kriminali u ntennu t-tħassib serju tagħna għall-fatt li l-Vjolenza fuq in-nisa f’Malta qed tkompli tgħolli rasha. 

Il-Gvern waqa’ lura sew f’dan is-settur tant sensittiv u delikat.

Dan saħqitu Claudette Buttigieg, kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin għan-nom tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) fejn spjegat li huwa ċar li tibdil fil-liġijiet, fosthom l-introduzzjoni f’pajjiżna tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul m’humiex biżżejjed.

Il-Gvern irid jaċċerta lill-poplu li issa se jgħaddi mill-paroli għall-fatti u mhux biss jgħaddi liġijiet imma jimplimentahom.

Irid ukoll jaċċerta lill-poplu li meta jgħaddu liġijiet, u esperti u membri tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’dan is-settur, juru t-tħassib tagħhom, dawn għandhom jingħataw widen minnufih. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li se jkompli jkun il-vuċi tal-vittmi u tal-familji tagħhom f’din il-ġlieda bl-għan aħħari li jara verament bidla għall-aħjar fis-soċjetà Maltija.