Futbol Sport

Ciaramella jinħatar kowċ ġdid ta’ Ħamrun Spartans

Andrea Ciaramella nħatar kowċ ta’ Ħamrun Spartans biex b’hekk se jkun qed jieħu post Manuele Blasi li tneħħa wara t-telfa tas-Sibt li għadda kontra Tarxien Rainbows. Flimkien ma’ Ciaramella se jingħaqad ukoll il-fiżjoterapist il-ġdid Raffaele Coletta li kien mal-kowċ Taljan fl-aħħar esperjenza ma’ ASD Puteolana.

Il-kowċ Taljan se jieħu t-tim f’idejh fid-disa’ post b’19-il punt minn 16-il logħba. Fil-preżent jinsabu erba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni u għalhekk l-għan ewlieni ta’ Ciaramella se jkun li jżomm lil Ħamrun fl-ogħla diviżjoni.

Ħamrun ġejjin minn serje negattiva ta’ disa’ logħbiet mingħajr rebħa, bl-aħħar rebħa tkun fil-21 ta’ Ottubru kontra Hibernians. Ciaramella jagħmel id-debutt fit-tmexxija tat-tim it-Tnejn li ġej kontra Sirens.

Dan se jkun il-ħames kowċ ta’ Ħamrun Spartans fl-aħħar erba’ staġuni li ilhom fil-Kampjonat Premier. Fl-istaġun 2016/17 beda l-istaġun Steve D’Amato u wara li tneħħa f’Novembru, Jacques Scerri mexxa lit-tim sa tmiem l-istaġun 2017/18. Fl-istaġun li għadda, Giovanni Tedesco wassal lit-tim sar-raba’ post u wara li ħalla l-klabb, ingħaqad mat-tim Manuele Blasi.