Internazzjonali

Għadna ma nafux min rebaħ fl-Istat ta’ Iowa

Kienet applikazzjoni tal-mobile li ħolqot kaos sħiħ f’Iowa fejn saret l-ewwel elezzjoni preliminari minn fost il-kandidati tal-Partit Demokratiku Amerikan. Jidher li t-taħwida fil-voti seħħet minħabba “problema” f’din l-app, li suppost ġiet maħluqa biex fiha jsir inputing tar-riżultati.

Il-votazzjoni f’Iowa saret f’xejn anqas minn 1,600 post mifruxa f’diversi lokalitajiet, bil-kaxxi tal-voti jkunu fi skejjel, libreriji, knejjes u postijiet pubbliċi oħrajn.

Il-kandidat Bernie Sanders ħareġ jgħid illi kien hu li rebaħ din il-votazzjoni.

Iżda l-akbar sorpriża tal-ġurnata kien Pete Buttigieg, il-kandidat b’dixxendenza Maltija li kiseb ammont enormi ta’ voti u ħabbatha sew ma’ Sanders (għalkemm sat-8pm ma kienx ħareġ ir-riżultat uffiċjali).

Issa xi jmiss?

Il-proċess tad-Demokratiċi se jkompli fl-istat ta’ New Hampshire, biex imbgħad il-votazzjonijiet ikomplu f’Nevada u South Carolina aktar tard fi Frar.

Fi 3 ta’ Marzu, 15-il stat Amerikan jivvota f’dak li hu magħruf bħala Super Tuesday.

ir-rebbieħ tal-Primaries se jkun qed jisfida lil Donald Trump għat-tmexxija tal-White House.