Budget 2020 Kultura Lokali Parlament Qtil Politiku

Gvern Laburista ħati li joħnoq il-libertà tal-espressjoni

Bil-fatti, il-Gvern irażżan il-kreattività u s-satira politika

“Ma nistgħux nitkellmu fuq il-kultura u nistennew satira politika ħielsa u kreattiva mingħand l-artisti meta l-Gvern huwa ħati li illegalment xekkel d-dritt fundamentali tal-espressjoni ħielsa tal-bniedem.”

Qalet dan l-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Midja, Kultura u Identità Nazzjonali, Therese Comodini Cachia, waqt li kienet qed titkellem fid-dibatitu parlamentari dwar il-liġi li jdaħħal fis-seħħ il-miżuri tal-baġit, b’enfasi fuq l-ispiża fl-arti, il-patrimonju kulturali u l-istess kultura li tagħmel analiżi u kritika tal-ġrajjiet tal-pajjiż.

Hi staqsiet kif wieħed jistenna li jkollu satira qawwija politika qawwija f’pajjiżna versu l-ingann ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat fil-jiem ġejjin tal-Karnival meta l-eks Ministru tal-Kultura, Owen Bonnici, instab ħati mill-Qorti Kostituzzjonali li xekkel il-libertà fundamentali tal-espressjoni tad-dimostrant.

Dan meta b’impika u intenzjonalment ta ordni lid-Dipartiment tat-Tindif, kif indika Ramon Deguara, sabiex ta’ kuljum jiġi żbarazzat monument ta’ protesta li jitlob għall-ġustizzja mal-ġurnalista assassinata, Daphne Caruana Galizia, bl-iskuża li l-Monument tal-Assedju l-Kbir kien jeħtieġlu r-restawr.

B’azzjonitu, id-deputat Nazzjonalista qalet li Owen Bonnici rrenda l-monument bħala strument ta’ firda fost il-poplu għall-vantaġġ politiku tiegħu flok ra li bħala Ministru tal-Ġustizzja jġib l-għaqda biex issir ġustizzja tassew. Hawn wieħed jistaqsi kemm kienet deċiżjoni kollettiva tal-Gvern kif saħaq l-istess Ministru meta s-sentenza tal-Qorti, partikularment ix-xhieda, tindika mod ieħor.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kultura elenkat kif din l-attitudni ta’ Owen Bonnici ma kinitx xi każ iżolat tiegħu hekk kif waqt il-Valletta18, huwa kien erħila lejn l-Olanda biex jiddefendi l-attitudni diżgustanti taċ-Ċermen tal-Fondazzjoni, Jason Micallef, meta kkritika bl-aħrax lill-ġurnalista assassinata politikament. Issa, il-Prim Ministru, Robert Abela, kellu l-wiċċ jaħtar lil Owen Bonnici bħala Ministeru tal-Edukazzjoni, dekasteru li jara li t-tfal Maltin jittellgħu mgħallma li jkunu kritiċi.

Therese Comodini Cachia saħqet li kontra tal-messaġġ li wassal Robert Abela li l-protesti mhumiex meħtieġa u bla bżonn, il-Gvern irid jgħaddi messaġġ ċar u inekwivoku li l-indħil fil-libertà tal-espressjoni se tieqaf darba għal dejjem u mhuwiex se jkun selettiv għal liema espressjonijiet se jipproteġi, bħalma għamel Owen Bonnici.

Għalhekk, id-deputat Nazzjonalista saħqet li l-allokazzjoni ta’ fondi fil-baġit għall-ħarsien tal-patrimonju kulturali u dawk ivvutati biex l-artisti jimirħu ‘l quddiem huma tajba iżda mhumiex biżżejjed jekk il-Gvern se jiċċensura lill-artisti bit-theddida li jitwarrbu jew jitkeċċew mill-post tax-xogħol. Bil-flus biss, is-settur kulturali ma jistax jimraħ ’il quddiem jekk il-Gvern ma jibgħatx dan il-messaġġ ċar għaliex in-nuqqas ta’ maturità politika għas-satira politika hija marda għas-soċjetà demokratika.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni elenkat kif ftit ġimgħat ilu, pantomini tal-Milied għaddew kummenti niggieża dwar l-inbejjed u l-arloġġ li Yorgen Fenech għadda lil Joseph Muscat, issatirizzaw l-mod kif tilef il-mobile Keith Schembri u kif għadda l-informazzjoni dwar l-arresti tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. Għalhekk awgurat lill-parteċipanti kollha tal-Karnival sabiex jimxu fuq l-istess passi u ma jiddejqux idaħħlu element qawwi ta’ satira politika, b’rabta ma’ dak li ġara fl-aħħar żminijiet.

Intant, fil-bidu tad-diskors tagħha, Therese Comodini Cachia faħħret lill-President ta’ Malta, George Vella, u lill-Kunsill Malti għall-Arti għall-appoġġ li qed jagħtu għall-fond tal-kreattività, fond soċjali li l-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku u l-karattru tal-persuna bi sħiħ bil-għan li kull artist ikollu opportunitajiet indaqs, irrispettivament mill-iżvantaġġi li wieħed ikollu. Sfortunament, is-Soċjetà Maltija tara lill-arti u l-kultura bħala divertiment iżda dan is-settur huwa tant vitali għall-għixien ta’ ħafna familja u jgħin l-iżvilupp kontinwu tal-bniedem.