Lokali

Iffirmat ftehim bejn l-Għaqda tal-Pawlini u l-Fondazzjoni Save a Life

Il-Fondazzjoni Save A Life u l-Għaqda tal-Pawlini qed jestendu l-kollaborazzjoni tagħhom fil-komunita’ Beltija permezz ta’ programm innovattiv li se jipprovdi taħriġ u preparazzjoni lit-tfal u żgħażagħ f’aspetti marbutin mal-organiżazzjoni u s-snajja meħtieġa biex issir il-festa tradizzjonali Maltija.

It-Tlieta filgħaxija sar l-iffirmar tal-ftehim ta’ dan il-proġett fis-sede ta’ l-Għaqda tal-Pawlini fil-Belt Valletta.

Iċ-Chairperson u Fundatur tal-Fondazzjoni Save A Life Claudio Grech saħaq li dan il-programm huwa intenzjonat biex jiġbor fih lit-tfal u żgħażagħ Beltin u tal-lokalitajiet tal-madwar biex permezz tiegħu jinżammu ħajjin it-tradizzjonijiet li jagħtuna identita’ u li jagħmluna komunità.

Bħala parti minn dan il-programm, il-Fondazzjoni, bl-għajnuna ta’ esperti fis-settur, se torganizza wkoll sessjoniet ta’ informazzjoni u edukazzjoni għaż-żgħażagħ u l-ġenituri dwar ir-riskji tal-abbuż tad-droga.

Din hija t-tieni fażi ta’ kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Save A Life u l-Għaqda tal-Pawlini li rat il-bidu tagħha fl-2014, fejn reġgħet ġiet introdotta b’suċċess l-Akkademja Kulturali Pawlini li kienet twaqqfet fl-1991.

Minn naħa tiegħu l-President tal-Għaqda tal-Pawlini Mario Cassar qal li din l-Għaqda li qed tiċċelebra l-ħamsin Anniversarju mit-twaqqif tagħha, għandha viżjoni; dik li tkun rilevanti f’soċjeta progressiva li qedgħin ngħixu fiha llum.

Il-Fondazzjoni Save A Life, li d-deputat Claudio Grech waqqaf flimkien mal-mara tiegħu Charmaine fl-2013, għandha l-għan li b’mod attiv tgħin lil komunitajiet u organizzazzjonijiet fil-loktalitajiet ta’ l-ewwel distrett biex permezz tal-ħidma tagħhom joffru spazju u jipprovdu inizzjattivi immirati għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalitajiet fejn joperaw.