Lokali Parlament

Il-korruzzjoni mill-Gvern kissret ir-reputazzjoni ta’ Malta

– Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-korruzzjoni li qed titwettaq fil-gvern Laburista kissret ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Fil-parlament Ryan Callus qal li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid jrid jieħu l-passi inkella inutli li jsiru l-bidliet. Hu sostna li l-pajjiż tilef ir-reputazzjoni internazzjonali tant li hemm kumpaniji barranin li qed ineħħu isem Malta minn fuq l-isem tal-kumpanija tagħhom minkejja li jħallu l-operat tagħhom f’Malta. Fil-pajjiż kien hawn impunità tant li l-Monument tal-Assedju l-Kbir kien jitnaddaf mill-fjuri li jitpoġġew fuqu b’rispett lejn Daphne Caruana Galizia.

Ryan Callus kompla li l-gvern lanqs kien jippubblika l-kuntratt fundamentali fosthom dak dwar il-power station; li hi fabbrika ta’ korruzzjoni li minnha nibtet 17 Black fejn hemm rabtiet mal-allegati suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li mhux biżżejjed li jinbidlu l-uċuħ fil-Korp tal-Pulizija u l-persuni li ssemmew bi provi kontriehom għandhom jitressqu b’konnessjoni mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Jeħtieġ issir investigazzjoni sħiħa dwar l-ex Ministru Konrad Mizzi li kien se jirċievi €5,000 kuljum b’rabta mal-power station. Minkejja r-riżenja ta’ Konrad Mizzi jirriżulta li ma sar xejn. Il-liġijiet għandhom jiġu rispettati. Din mhix biss kwistjoni politika iżda hi kwistjoni legali.

Hu tkellem dwar il-bejgħ tal-isptarijiet Maltin u qal li kull fejn kien imdaħħal Konrad Mizzi kien jinten. Il-bejgħ tal-isptarijiet kienet serqa fid-dawl tax-xemx fejn il-pazjenti Maltin ma bbenefikaw xejn.

Ryan Callus qal li Tumuruli, li l-gvern Malti biegħlu l-isptarijiet, ma kien mexxa l-ebda sptar jew klinika fil-karriera tiegħu fejn l-integrità tiegħu hi żero. Fl-Indja u fl-Afrika t’Isfel dan suppost fetaħ ċentri tas-saħħa iżda dawn ma nstabu imkien.

F’Novembru 2015, Tumuruli ngħata t-tliet sptarijiet f’Malta u kellu jagħmel injezzjoni kapitali ta’ €220 miljun fuq sentejn. L-Isptar San Luqa kellu jiftaħ f’Settembru 2017 b’50 sodda ġdida iżda għadu ma sar xejn. L-Isptar Karen Grech kellu jkun lest f’Settembru 2017 iżda l-modernizzar għadu lanqas biss beda. Fit-tliet sptarijiet suppost jiżdiedu 750 sodda iżda minn dan kollu ma sar xejn minn dan. Is-settur kellu jħaddem miegħu 800 persuna li wkoll ma twettqux u kellu jsir it-turiżmu mediku li wkoll falla għax ma ġie ħadd.

Wara tfaċċa l-persuna Ernst li tant kien tajjeb li kien għadu jistudja l-health care management. L-aħħar problema kienet l-involviment ta’ Joseph Muscat li laqqa’ lil Steward Health Care mal-prim ministru l-ġdid. X’kien qed jagħmel hemm Joseph Muscat?

Ryan Callus ppropona li l-ftehim jitħassar għaliex dan sar biex xi ħadd iħaxxen butu u l-pazjenti jmorru lura. L-Oppożzzjoni marret il-qorti biex il-ftehim jaqa’ u l-isptarijiet jingħataw lura.

Il-pajjiż jixraq li jkollu Kummissarju tal-Pulizija indipendenti maqbul miż-żewġ naħat tal-Kamra. Il-gvern qed jerġa’ jappunta Kummissarju tal-Pulizija b’sistema li fiha jiddeċiedi l-istess gvern, li ma wettaqx il-bidliet meħtieġa.

Ryan Callus qal li għandu jkun hemm proċess indipendenti fuq il-ħatriet fil-ġudikatura.