Internazzjonali

Il-marda tal-kanċer terġa’ tolqot lill-attriċi Shannen Doherty

L-attriċi Shannen Doherty qed tħabbat wiċċha ma’ battalja iebsa.

L-istilla tas-serje televiżiva tas-snin 90 Beverly Hills 90210 kif ukoll Charmed – żvelat li qed issofri mill-kanċer tas-sider u jinsab fi stadju avanzat.

L-attriċi ta’ 48 sena saħqet li wara li rnexxielha tegħlbu l-ewwel darba lura fl-2017, reġa’ tfaċċa mingħajr mistenni għal din l-aħħar sena. Hija spjegat li fis-silenzju bdiet il-ġlieda tagħha ma’ din il-marda kiefra ankè waqt il-ġbid tar-reboot tas-serje Beverly Hills.

Hija sostniet li saret taf b’dak li kienet għaddejja minnu fl-istess żmien meta l-ħabib tagħha, l-attur Luke Perry tilef ħajtu ħabta u sabta. Doherty kompliet tgħid li minkejja li diffiċli taċċetta l-fatt li għal darb’oħra tfaċċatilha din il-marda xorta waħda qed tgħix ħajjitha b’kuraġġ.

Doherty saħqet li ddeċidiet toħroġ din l-aħbar fil-pubbliku wara li tul din il-ġimgħa mistennija titla’ l-Qorti f’battalja legali ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni u tinsab ċerta li l-kundizzjoni tagħha kienet ser issir pubblika. Għaldaqstant hija spjegat li preferiet tagħraf lill-pubbliku hija nnifisha.