Lokali

ILLEJLA: Protesta fis-7pm kontra l-vjolenza domestika

Numru ta’ għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa’ għajtu għal protesta quddiem il-Parlament fis-7pm tal-lejla.

Din il-protesta qed issegwi l-każ li seħħ il-Ħadd filgħaxija ta’ Chantelle Chetcuti illi nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha u f’għonqha mill-eks partner tagħha li huwa missier taż-żewġ uliedha.

In-nies huma mħeġġa jilbsu l-aħmar, l-iswed jew l-oranġjo għal din il-protesta kontra l-vjolenza domestika.

Attivisti spjegaw li l-protesta qed tiġi organizzata quddiem il-Parlament għaliex din il-problema nazzjonali hija wkoll il-problema tal-politiċi li għandhom id-dmir jindirizzaw din il-problema u jipproteġu lin-nisa’.

Id-dimostrazzjoni ssegwi wkoll l-passi meħuda mill-Pulizija illi aktar kmieni tul il-ġurnata tat-Tlieta ressqet lil Justin Borg il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Intant, fi stqarrija l-konfederazzjoni tal-organizzazzjonijiet tan-nisa’, saħqet li hemm bżonn li ngħarrfu lin-nisa’ li meta jkunu f’sitwazzjonijiet abbużivi, huma għandhom ikunu jafu li jistħoqqilhom aħjar minn hekk. Għandna nibagħtu l-messaġġ li n-nisa’ għandhom biżżejjed saħħa biex ifittxu l-għajnuna. Apparti minn hekk, fl-istqarrija l-konfederazzjoni żiedet tgħid li hemm bżonn li neliminaw għalkollox l-istigma li tirrevolvi madwar il-vjolenza domestika.

Ikkummenta