Lokali Qorti

Imħallef iqajjem il-punt dwar l-importanza li l-proċeduri fil-Qorti jiġu rekordjati kollha

Waqt li kien qed jagħti sentenza fil-Qorti tal-Appell Kriminali l-Imħallef Giovanni Griscti tkellem dwar l-importanza li jekk jista’ jkun il-proċeduri kollha jiġu rekordjati.

Huwa semma dan il-punt waqt li kkonferma sentenza mill-Qorti tal-Maġistrat fuq każ ta’ persuna li ma ħariġx riċevuti tal-VAT meta kien qed ibiegħ oġġetti relatati mal-karnival fil-Belt Valletta, fis-sena 2016.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li fil-prinċipju, l-Qrati tal-Appell mhumiex qegħdin hemm biex jiddisturbaw id-diskrezzjoni tal-Ewwel Qorti, sakemm il-konklużjonijiet jintlaħqu b’manjera legali u raġonevoli.

L-Imħallef Griscti qal li madankollu hemm eċċezzjoni għal dan il-prinċipju u dan meta jsir appell minn xi kawża, fosthom dawk tad-distrett. Dan minħabba li xhieda minn dawn il-kawżi ma ssirx traskrizzjoni tagħha. Għalhekk, il-Qorti qed ikollha terġa’ tisma’ l-evidenza prodotta fl-ewwel Qorti, fl-intier tagħha.

Huwa kkwota minn sentenza mogħtija fl-2014 mill-Qorti li kien tgħid li f’dawnil-każijiet, jista’ jkun li xhud ma jkunx qed jgħid l-istess kliem bħal ma kien qal fl-ewwel Qorti, u dan jista’ jbiddel ta’ taħt fuq il-każ fl-appell.

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-evidenza prodotta quddiem il-Qorti tal-Appell hija suġġettiva minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda traskrizzjoni tal-evidenza mill-ewwel Qorti. Li jiġri fil-prattika hu li x-xhieda qed tiġi transkritta fl-istadju tal-Appell.

“Fl-opinjoni umli ta’ din il-Qorti, din il-problema għandha tissolva u dan billi l-kawżi kollha quddiem il-Qrati tal-Maġistrati jiġu rekordjati u li t-traskrizzjoni ssir biss meta jkun neċessarju. Dan ifisser li jnaqqas it-telfien ta’ ħin prezzjuż għal dawk kollha nvoluti u għalhekk l-istadju tal-Appell iservi ta’ reviżjoni u mhux jerġa’ jinstema’ l-każ mill-ġdid”.