Lokali Qorti

Jitressaq l-eks sieħeb tal-mara maqtula f’Ħaż-Żabbar; Justin Borg iwieġeb mhux ħati

Justin Borg, li fil-Qorti qal li huwa jaħdem għal rasu ġie mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Chantelle Chetcuti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, liema omiċidju seħħ nhar il-Ħadd li għadda filgħaxija permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’rasha, b’waħda minnhom tinfed ukoll ngħasha, u dan allegatament waqt argument f’Ħaż-Żabbar.

Justin Borg ta’ 33 sena ġie mixli b’ħames akkużi, l-aktar gravi bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena u omm ta’ żewġt ibniet ta’ seba’ u tlettax-il sena minn Ħal Safi, liema każ seħħ fi Triq is-Santwarju għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija – barra l-Każin tal-futbol ta’ Żabbar St.Patrick’s. L-akkużat huwa missier ulied il-vittma.

L-Ispetturi Kurt Zahra mill-Iskwadra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Joanna Piscopo tad-Disrett xlew ukoll lil Borg li huwa residenti Ħal Safi, li waqt il-kummissjoni tar-reat kien fil-pusses ta’ arma irregolari, f’dan il-każ sikkina, li kellu fil-pusses tiegħu mingħajr liċenzja, li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u li kiser il-paċi pubblika.

L-Avukati Difensuri ta’ Borg f’dan l-istadju m’għamlux talba għal libertà proviżorja u għalhekk huwa nżamm taħt arrest preventiv. Saret talba mill-Avukati tiegħu biex jiġi maħtur espert psikjatriku biex jeżamina lill-akkużat, liema talba ma kellhiex oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni, bil-Qorti taħtar lill-Professur Anton Grech biex iwettaq dan l-eżami.

Barra l-awla tal-Qorti kienu preżenti xi membri tal-familja tal-vittma li nstemgħu jibku kemm waqt li tressaq Borg kif ukoll meta ttieħed mill-Pulizija lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Chetcuti mietet, wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha, fejn għamlet ukoll xi ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina. Kien għall-ħabta tat-8.15pm tal-Ħadd filgħaxija meta xi persuni daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina, fi Triq il-Kbira, hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li seħħ argument bejn mara u raġel u l-argument eskala barra fuq il-bankina. Kien hawn li r-raġel allegatament ta’ daqqiet ta’ sikkina lill-mara u wara ħarab minn fuq il-post.

Il-Pulizija marru immedjatament fil-post u ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi sabiex ħadu lill-mara l-isptar għal aktar kura. Ir-raġel ma kienx fil-post tal-argument, iżda ftit tal-ħin wara, hu ta’ ruħu b’idejh lill-Pulizija, meta mar fil-Kwartieri Ġenerali il-Floriana, mimli dmija u anke kellu xi feriti f’idu, li anke deheru viżibbli fl-awla tal-Qorti.

Intant fi stqarrija l-Pulizija qalet li matul l-aħħar snin, Chantelle Chetcuti għamlet rapport wieħed biss lill-Pulizija dwar vjolenza domestika fil-konfront tal-persuna li llum tressaq il-Qorti b’rabta mal-qtil tagħha.

Dan il-każ imur lura għal Frar tal-2013, u l-Pulizija ħarġu l-akkużi dwar vjolenza domestika fil-konfront tal-istess raġel. Il-proċedimenti tal-każ kienu eventwalment ġew eżawriti waqt is-seduta talQorti tal-Familja tat-3 ta’ Ġunju, 2013.

Il-Korp tal-Pulizija jagħmilha ċara li l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika kienet, għadha u tibqa’ prijorità għall-Korp tal-Pulizija.