Lokali

Karozza tinqered bin-nar fil-Kalkara

Karozza tat-tip BMW inqerdet b’kawża tan-nar fil-Kalkara. Dan il-każ seħħ tul dan il-lejl fejn fortunatament fih ma weġġa’ ħadd.

Il-vettura kienet tinsab ipparkjata fi Triq is-Salvatur, meta għall-ħabta tat-02.45 ta’ filgħodu l-Pulizija kienu infurmati li karozza kienet ħadet in-nar.

Fuq il-post marru immedjatament membri tal-Protezzjoni Ċivili li ġabu taħt kontroll is-sitwazzjoni.

Skont sorsi ta’ Net News jidher li fil-qrib ta’ din il-vettura, kien hemm karozza oħra tat-tip Honda pparkjata, li b’xorti tajba n-nar ma ħakimhiex. L-istess sorsi qalulna li fi tliet ijiem, fl-istess post, kien hemm żewġ każijiet oħra ta’ karozzi li nqerdu bin-nar.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.