Lokali

Lista twila ta’ rigali anonimi għal Muscat

Inkluż l-arloġġ Bvlgari u l-inbejjed Petrus mingħand Yorgen Fenech

Issa uffiċjali: l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irċieva numru ta’ rigali mingħand Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. U l-ahhar rigali rċevihom sena ilu, meta Fenech kien diġà meqjus suspettat fl-assassinju, u kien diġà qed jiġi segwit mill-Pulizija.

Kien it-Tnejn filghaxija meta ġiet ippubblikata l-lista ta’ rigali li Muscat irċieva fis-seba’ snin li dam fis-siġġu tal-poter f’Kastilja, bejn l-2013 u l-2020, inkluż l-arloġġ Bvlgari li jlaħħaq l-€20,000 u tlett fliexken inbid Petrus  – inbejjed li Muscat ircieva mingħand Yorgen Fenech minkejja li kien konxju li n-negozjant kien taħt investigazzjoni b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista. Kien ftit tal-ġimgħat ilu meta ġie rrapportat li Muscat irċieva tlett fliexken inbid mingħand Fenech – wieħed tas-sena 1974 u tnejn tal-2007 – li prezzhom ilaħħaq kważi s-€6,000.

Il-lista, ippublikata wara talba li saret mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina, ikkonfermat l-informazzjoni żvelata mill-media lokali.

Fil-kontroversja sħiħa li nqalgħet tul ix-xahar ta’ Diċembru, Muscat kien saħaq li kien se jippubblika l-lista kompluta ta’ rigali ġaladarba jirreżenja minn Prim Ministru. Madanakollu, din ġiet żvelata biss wara li saret Mistoqsija Parlamentari mill-Oppożizzjoni.

Minkejja li l-lista hi magħrufa, wieħed xorta jibqa’ mħasseb minħabba l-fatt li numru ta’ rigali, fosthom kristalli, vażuni, pitturi, skulturi, u statwetti ta’ Ġesu’ Bambin, għadu s’issa mhux magħruf minn min u meta dawn ingħataw lill-eks Prim Ministru – għajr dettall żgħir ħafna li dawn ingħataw wara l-2013.

Iżda sa issa, ħadd ma jaf min ta l-bqija tar-rigali.

Fil-lista, b’kuntrast, isem Yorgen Fenech jissemma’ speċifikament.