Futbol Sport

Mazzarri jitkeċċa minn kowċ ta’ Torino u postu jittieħed minn Longo

(Ritratt: EPA)

L-esperjenza ta’ Walter Mazzarri bħala kowċ ta’ Torino uffiċjalment intemmet u floku nħatar il-kowċ żagħżugħ Moreno Longo sa tmiem l-istaġun. Fatali għal Mazzarri kienet is-serje negattiva ta’ erba’ telfiet konsekuttivi fis-Serie A u l-Coppa Italia. Mazzarri ħa t-tmexxija tat-tim f’Jannar ta’ sentejn ilu u se jħalli t-tim fit-12-il post.

Longo lagħab fis-settur taż-żgħażagħ ma’ Torino u fl-1995 għamel id-debutt mal-ewwel tim fl-età ta’ 19-il sena. Fl-2009 hu rritorna ma’ Torino bħala kowċ fis-settur taż-żgħażagħ u bejn l-2012 u l-2016 mexxa lit-tim tal-Primavera u magħhom rebaħ il-kampjonat u s-Supercoppa Italiana.

Fl-istaġun 2016/17 inħatar kowċ ta’ Pro Vercelli u mexxa lit-tim biex salva postu fis-Serie B. Fl-istaġun ta’ wara hu għen lil Frosinone biex jiksbu l-promozzjoni fis-Serie A u fl-istaġun li għadda għamel id-debutt fis-Serie A. Hu nħall mill-kuntratt minn ma’ Frosinone biex irritorna ma’ Torino.