Lokali

Meħtieġa risposti għall- allegazzjonijiet serji dwar skandlu ieħor fil-qasam tal-enerġija – PN

Il-Poplu jixraqlu aħjar. Il-poplu jrid jingħata r-risposti.

Il-Partit Nazzjonalista qed jieħu bl-akbar serjetà l-aħbarijiet ippubblikati fuq is-sit tal-aħbarijiet lokali The Shift News dwar il-kumpanija Streamcast Technologies. Din il-kumpanija kellha tinvesti l-miljuni f’data centre fil-mini tal-Enemalta fil-Marsa iżda minflok jidher li l-Gvern tal-Labour għamel deal li ġie deskritt bħala scam imħallas minn flus il-poplu. Is-sit tal-aħbarijiet allega li kien hemm pjan qarrieqi sabiex jinsterqu 5 miljun ewro mi-taxxi tal-poplu. Kumbinazzjoni l-ex Ministru Konrad Mizzi kien involut f’dan l-allegat skandlu wkoll.

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, il-Partit Nazzjonalista saħaq li għaldaqstant, il-poplu qed jistenna r-risposti u l-ispjegazzjonijiet ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru u ta’ l-ex Prim Ministru Muscat dwar dan il-każ. Il-poplu jistenna ukoll spjegazzjoni dettaljata mill-ex Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi u taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Frederick Azzopardi, u li tintrefa r-responsabbiltà ta’ min ħa dawn id-deċiżjonijiet.

Dan jidher li hu skandlu ieħor tal-mistħija li l-Oppożizzjoni se tkun qed tistenna li jiġi awditjat u investigat u allura l-Gvern u l-Enemalta għandhom ħafna xi jwieġbu. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisħaq li kull kuntratt jew ftehim li sar fil-qasam tal-enerġija għandu jiġi investigat għax dan il-Gvern issa għandu track record ikkulurit fil-korruzzjoni u s-serq sfaċċat mill-bwiet tan-nies.

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jispjega kif intgħażlet din il-kumpanija li m’għandha l-ebda esperjenza f’dan il-qasam u min għażilha. Dan huwa skandlu li jixbaħ ħafna lil dak li ġara fil-każ tal-bejgħ tal-isptariijiet lill-kumpanija fantażma. Jekk irid jittieħed bis-serjetà Robert Abela għandu jitlob spjega mill-ex Ministru Joe Mizzi u jgħid lill-poplu d-dettalji kollha dwar ż-żjara tiegħu fl-Indja f’Mejju tal-2018 biex iżur id-data centres fantażma ta’ din il-kumpanija li lanqas biss kien għadhom inbnew.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistenna wkoll li l-Ex Ministru Joe Mizzi jispjega xi rwol kellhom Brian Tonna u Karl Cini tan-Nexia BT f’dan kollu, u x’ġara minn dan it-taparsi investiment ta’ €5 miljun li sar mit-taxxi tagħna u li l-poplu Malti qatt ma ħa xejn lura minnu. Min ha dawn il-flejjes? 

Il-Partit Nazzjonalista u l-poplu jistenna li l-Ministru Michael Farrugia għandu jippublika l-fatti kollha. Il-Poplu jixraqlu aħjar. Il-poplu jrid jingħata r-risposti.