Lokali Qorti

Ordnat ir-rilaxx ta’ raġel mill-Isptar Monte Carmeli

L-isptar Monte Karmeli

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat ir-rilaxx ta’ raġel ta’ 56 sena minn Santa Venera li kien qed jinżamm għal kura psikjatrika fl-Isptar Monte Carmeli. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li huwa minnu li r-raġel għandu bżonn li jibqa’ jingħata l-kura iżda mhux li jibqa’ miżmum taħt detenzjoni.

Huwa kien ammetta li ħebb għal xi uffiċjali tal- Pulizija meta marru għandu biex jkellmuh dwar rapport mressaq minn xi ġirien dwaru. Fit-12 ta’ Lulju 2019 huwa kien tpoġġa taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ tliet snin u kienet ukoll ħarġet ordni ta’ trattament għall-istess perjodu skont pjan imfassal mill-professjonisti taħt il-kura ta’ Dr. Vella Baldacchino.

Fid-9 ta’ Jannar li għadda, l-uffiċjal tal-probation Carmen Nygaard ippreżentat rikors fil-Qorti fejn qalet li kienu qegħdin jirriżultaw fatti ta’ natura serja li kellhom jiġu ndirizzati, u dan sabiex tinħareġ ‘Court Order’ u b’hekk ir-raġel jkun jista’ jibbenifika minn aktar kurra fl-Isptar Monte Carmeli u dan dejjem kif jidhrilha l-Qorti.

Fit-13 ta’ Jannar ingħata digriet mill-Qorti u l-akkużat spiċċa arrestat sabiex ikun rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli. L-Avukat Jason Grima li deher għall-akkużat qal li l-ewwel u qabel xejn, il-klijent tiegħu kellu jiġi notifikat dwar dan u wara jingħata smiegħ xieraq.

Ingħad ukoll li l-Qorti ma setgħet bl-ebda mod timponi xi tip ta’ kura residenzjali fil-konfront tiegħu, u li dan ittieħed l-isptar kontra l-volontà tiegħu. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea qalet li filwaqt li tifhem it-tħassib li kellha l-uffiċjal tal-probation u li huwa żgur li dak li għamlet, għamlitu fl-aħjar interess tiegħu, minn naħa l-oħra l-affarijiet ma sarux kif suppost.

Madankollu l-Qorti rrakomandat li l-professjonisti jkomplu jagħtu l-għajnuna kollha meħtieġa lir-raġel. Il-Qorti għaldaqstant laqgħet it-talba tal-akkużat u ordnat li dan jiġi rilaxxat mill-Isptar Monte Carmeli b’mod immedjat. Ġie ordnat ukoll li dan id-digriet u l-atti tal-proċeduri jinbagħtu lill-Avukat Ġenerali.

Huwa kien ammetta vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi, li nsulta l-pulizija, li darab b’mod ħafif żewġ uffiċjali tal-pulizija, li kiser il-paċi pubblika, li m’obdiex ordnijiet tal-pulzija li hedded u ffastidja żewġ ġirien, li kellu arma tan-nar mingħajr permess u li kkawża ħsara fuq propjetà.

L-avukat tal-akkużat Jason Grima kien qal lil Qorti li l-klijent tiegħu kien iffaċjat bil-pulizija wara l-bieb u li dan talab biex jara l-mandat u l-karti tal-identità tal-Pulizija peress li ma kienx qed jemmen li n-nies li kienu wara l-bieb kienu pulizija. L-avukat kien spjega fil-Qorti li l-klijent tiegħu għandu evidenza li se juri f’każ ieħor u li qed jibża li se jinsteraq.