Lokali Parlament

Proposti mill-PN biex it-trasport pubbliku jkun iktar affidabbli u effiċjenti waqt li jitnaqqas it-traffiku

– Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella biex il-gvern jikkunsidra l-proposti tal-PN fit-trasport u l-infrastruttura b’mod speċjali l-proposta biex it-trasport pubbliku jkun iktar aċċessibbli u affidabbli biex b’hekk jitnaqqas l-użu tat-traffiku.

Fil-parlament Toni Bezzina qal li l-gvern mhux joffri futur għat-trsport u l-infrastruttura; nuqqasijiet li fil-futur irridu nħallsu prezz għalihom. L-iżball tal-gvern hu li mhux qed isib soluzjzonijiet għall-infrastruttura fl-aħħar sitt snin minħabba li ma saritx il-manutenzjoni meħtieġa fit-toroq Maltin.

Hemm ukoll problemi fit-trasport pubbliku fejn mhux qed ikun hemm riżultati għat-€30 miljun nefqa fis-sena. Dan qed iwassal għal tniġġiż tal-arja, sostna Toni Bezzina, li kompla li ż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku hi minħabba ż-żieda fil-barranin.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-uniku soluzzjoni hi li jitwessgħu t-toroq u b’hekk jiżdiedu l-karozzi privati fit-toroq. Is-soluzzjoni mhix li tiżdied il-kapaċità tal-karozzi fit-toroq iżda li jkun hemm soluzzjonijiet ġodda.

Wasal iż-żmien li jkun hemm viżjoni għall-50 sena li ġejjin. Il-gvern mhux qed jaċċetta l-proposti validi li qed tressaq l-Oppożizzjoni. Fost dawn kien hemm il-proposta għat-trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel fejn l-Oppożizzjoni kienet ilha erba’ snin tipproponieha.

Toni Bezzina qal li l-grants fuq ix-xiri tar-roti m’humiex qed iħallu l-effetti minħabba li f’ċertu toroq il-gvern neħħa l-lanes, anki għat-trasport pubbliku. Il-gvern m’għandux viżjoni dwar l-użu tal-iscooters fejn l-avviż legali ħareġ b’għaġġla.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan il-gvern m’għandux għal qalbu mezzi alternattivi ta’ trasport li ma jniġġsux. Dwar il-fondi għat-toroq, Toni Bezzina qal li dawn huma parti mill-€1,300 miljun li ġab gvern Nazzjonalista mill-UE.

Toni Bezzina qal li gvern Nazzjonalista investa bis-saħħa fit-toroq iżda dan il-gvern m’għamilx il-manutenzjoni neċessarja. F’ċertu toroq lanqas qed jinbidlu s-servizzi meta jingħata t-tarmak, sostna Toni Bezzina, li kompla li qabel jingħata t-tarmak għandu jkun hemm garanzija li s-servizzi jinsabu f’posthom. Hemm bżonn ukoll toroq rurali u jsir studju tal-livell biex l-ilma tax-xita jinġabar u jingħata lill-bdiewa.

Dwar l-ambjent, id-deputat Nazzjonalista kkritika lill-gvern għall-qtugħ tas-siġar fosthom fil-proġett tas-central link f’Ħ’Attard. Il-gvern ma kkunsidrax alternattivi oħra fis-central link. Ċertu xogħlijiet qed isiru bla permessi, kif sar f’Wied Qirda.

Toni Bezzina staqsa dwar ix-xogħl fi Triq il-Kuċċard kien beda qabel l-2013 iżda dan għadu għaddej, dwar Triq it-Tempesta fil-Qrendi li issa ilu wieqaf minn wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fil-Pjazza tal-Imqabba u fi Triq il-Parroċċċa fejn qed isiru s-servizzi u meta dan se jitlesta minħabba l-festi fis-sajf, meta se jibda x-xogħol fuq il-ġibjun tal-Imqabba u jekk hux se jinġabar l-ilma fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija kollha. Hu staqsa wkoll il-proġett ambjentali li tħabbar jistax ikun estiż għall-Port Ħieles b’risq in-nies taż-żona. Dwar il-problema tal-parkeġġ f’Wied il-Żurrieq hu staqsa jekk hux se se jsir parkeġġ fiż-żona. Wasal iż-żmien li jingħadda d-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq.