Lokali Qorti

Allegazzjonijiet li ġew injorati

Qatt ma ħarġu ordnijiet minn fuq biex xi ħadd jitressaq dwar il-Panama Papers – bħal donnu “ta’ fuq” kienu qed jinjoraw dawn l-allegazzjonijiet serji. Il-Pulizija qatt ma pproċediet għax qatt ma ngħatat direzzjoni “minn fuq” biex tmexxi.

Dikjarazzjonijiet separati fil-Qorti mill-Ispettur Ray Aquilina u mis-Supretendent Antonovich Muscat – mill-Unit dwar il-Krimini Ekonomiċi – waqt li kompliet tinstema’ l-Inkjesta Pubblika wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Iż-żewġ xhieda qalu li sabu isem Keith Schembri u Konrad Mizzi f’xibka bejn l-Electrogas, Bank lokali u l-kumpanija 17 Black. Dan kien ir-riżultat ta’ network bejn it-tliet entitajiet biex jinħaslu flejjes kbar. Madankollu, jidher li għad m’hemmx biżżejjed evidenza biex xi ħadd jitressaq il-Qorti.

L-ewwel rapport preliminari dwar 17 Black sar lura fl-2016, tant li l-Ispettur Aquilina spjega kif il-każ kien għadda għand il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Michael Cassar, li fil-fatt irriżenja fi żmien qasir.

Min-naħa tiegħu, is-Supretendent Muscat fisser li saru żewġ pagamenti ta’ €50,000 kull wieħed minn żewġ Russi li kienu għadhom kif xtraw il-Passaport Malti. Brian Tonna, ta’ Nexia BT, għadda l-flus għal ġo kont ta’ Keith Schembri barra minn xtutna.

Kien f’April 2017 meta l-Partit Nazzjonalista żvela l-każ tal-ħlasijiet li għaddew bejn Brian Tonna u Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Muscat. U għalkemm dan kollu xegħel bozza ħamra, l-Uffiċjali tal-Korp xorta ma rawx lok li jittieħdu aktar passi.

L-inkjesta se tkompli il-ġimgħa d-dieħla.