Lokali

Bżonn ta’ regoli ċari dwar laqgħat li jkollhom il-politiċi

Il-Kummissarju bi ħsiebu jissottometti proposti dwar dan fil-ġranet li ġejjin

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, jemmen illi meta ministru jiltaqa’ waħdu, b’mod informali, ma’ persuna midħla sew tan-negozju, b’familjarità żejda, inevitabbilment jagħti lok għas-suspetti.

Dan intqal b’reazzjoni għad-dokumentarju li kien ixxandar mill-media Franċiża, u li fih l-imprenditur Luke Chetcuti jiftaħar dwar ir-rabtiet mill-qrib li għandu mal-Ministru Chris Cardona, u messaġġi li għaddew bejnu u bejn il-Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi.

Luke Chetcuti kien deher f’filmat jgħid li kien iltaqa’ mal-Ministru Chris Cardona u talab l-għajnuna tiegħu biex jakkwista parti mill-bajja ta’ San Ġorġ bħala konċessjoni. Il-filmat ixxandar minn stazzjoni televiżiv Franċiż bħala parti minn dokumentarju dwar il-korruzzjoni f’Malta.

Fi stqarrija, il-Kummissarju tal-Istandards qal illi la Chetcuti u lanqas il-ministri konċernati ma ammettew li kien sar verament skambju ta’ messaġġi. Chetcuti qal li d-diskors tiegħu filfilmat ma kienx intenzjonat li jittieħed bis-serjetà.

Fil-fehma tal-Kummissarju dawn iċ-ċaħdiet ma kinux konvinċenti, iżda huwa ma setax jiġbor provi dwar l-iskambju ta’ messaġġi.

Għaldaqstant il-Kummissarju Hyzler ħass li ma kellux evidenza biżżejjed biex jikkonkludi li kien sar xi ksur tal-etika min-naħa tal-eks Ministru Chris Cardona. Il-Kummissarju għall-Istandards qal li dan il-każ juri l-bżonn ta’ regoli dwar il- “lobbying”. Il-Kummissarju bi ħsiebu jissottometti proposti dwar dan fil-ġranet li ġejjin.

Hyzler qal illi f’dawn il-każijiet ikun aktar għaqli li l-laqgħa tkun waħda formali fil-preżenza ta’ uffiċjali.