Sport Sport Ieħor

Iannone jibqa’ sospiż bid-deċiżjoni tittieħed fil-jiem li ġejjin

Is-sewwieq Andrea Iannone għadu sospiż wara li ma ngħatax verdett fis-smigħ li sar mill-Qorti Dixxiplinarja Internazzjonali. Iannone nstab pożittiv għal steroid waqt il-ġimgħa f’Sepang fil-bidu ta’ Novembru u kien sospiż proviżorjament fis-17 ta’ Diċembru li għadda.

It-Taljan qal li r-riżultat hu ta’ sorpriża għalih u talab l-analiżi tal-kampjun B iżda dan ukoll instab pożittiv, kif kien konfermat minn stqarrija tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Motoċikliżmu. Minħabba li għadu sospiż, Iannone ma jistax jipparteċipa fl-ebda kompetizzjoni tal-muturi jew attività relatata.

Skont il-media fl-Italja, il-verdett finali mistenni jingħata fi żmien għaxart ijiem. Ġie rrapurtat ukoll li bħala difiża fil-każ, ir-riżultati mill-kampjuni tax-xagħar, allegatament ma jurux traċċa ta’ steroid minn Settembru tas-sena l-oħra, bl-ikel ikkontaminat qed jingħad li tista’ jkun il-kawża prinċipali tar-riżultat.

Bradley Smith hu mistenni jieħu post Iannone flimkien ma’ Aleix Espargaro fit-testijiet f’Sepang mat-tim Aprilia. Dan filwaqt li ssejjaħ ukoll l-eks sewwieqa tas-Superbike Lorenzo Savadori.

Tags