Lokali Parlament Saħħa

Id-droga qatt ma tista’ tkun is-soluzzjoni tal-problema tad-droga

L-istituzzjonijiet fid-dmir li jipprevjenu l-ħsara tad-droga

Is-soluzzjoni tal-problema tad-droga m’għandhiex il-ħabs. Il-ħajja hija tant imprezzabbli li mhux biss d-Deputati Parlamentari għandhom jiddefenduha f’kull leġiżlazzjoni mgħoddija iżda għandhom jagħtu l-għodda lill-istituzzjonijiet biex, kif għandhom id-dmir, jipprevjenu l-ħsara li tikkawża d-droga fuq is-soċjetà Maltija. Huwa għalhekk li d-droga qatt ma tista’ ssolvi l-problemi tad-droga.

Kien dan il-qafas tad-diskors tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Solidarjetà Soċjali, Claudio Grech, fid-dibattitu parlamentari dwar il-liġi li temenda Kapitlu 101 tal-Liġi ta’ Malta fuq l-ordinanza dwar il-mediċini perikolużi.

Id-droga intrinsikament tagħmel ħsara fuq is-saħħa, fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna, toħloq problemi familjari u l-impatt tad-droga jinfirex fuq il-komunitajiet, għad-detriment tal-ħajja, is-sigurtà u l-eskalazzjoni tal-inġustizzja soċjali fis-soċjetà Maltija.

B’referenza għall-kliem tal-Papa Franġisku, minħabba konnotazzjoni ta’ ħażen, Claudio Grech jgħid li mal-vizzju tad-droga qatt ma jistgħu jsiru kompromessi u l-Parlament ikun qed jibgħat messaġġ żbaljat jekk jilliberalizza lid-droga.

Sfortunatament, nuqqasijiet li kien jeżistu fil-liġi affettwaw ħażin immens lill-vittmi tad-droga u dawn l-emendi jagħtu l-għodda lill-ġudikant biex jagħraf lill-persuna dipendenti mid-droga bħala vittma u joffrilu l-għajnuna u l-appoġġ tant meħtieġa. B’hekk, is-soċjetà tagħraf li l-vittma li jkun waqa’ fil-vizzju għandu problema u tgħin minflok tippreġudika u tagħti bis-sieq b’priġunerija effettiva.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni jgħid li f’kull familja wieħed imiss mal-problema tad-droga u hu għalhekk importanti li tiħrax il-ġlieda kontra it-traffikanti l-kbar tad-droga, li jopera b’tant impunità, u mhux biss kontra t-traffikanti ż-żgħar.

Il-Parlament ikun qed jonqos lis-soċjetà jekk ma jilleġiżlax kont min jabbuża mid-droga b’għażla tiegħu għaliex timplika miżerja u konsegwenza tal-waħx, kif turi l-istatistika b’rabta mas-saħħa mentali hekk kif huwa allarmanti li 39% taż-żgħażagħ li jiddaħħlu f’xi istituzzjoni tas-saħħa mentali b’mod involontarju, 27% tal-persuni f’etajiet varji u 44% ta’ dawk li jirritornaw mill-ġdid huma b’kawża t’abbuż tad-droga.

Quddiem dan l-infern u s-saħta li għaddejjin minnha l-familji tal-vittmi jidħol l-obligu tal-Parlament li jservi ta’ katalist għas-soċjetà biex tieqaf quddiem il-problema u l-preġudizzji li jaffaċċjaw l-vittmi u familthom fis-soċjetà. Dan jintlaħaq billi l-Gvern biex iħares lejn pajjiżi li għandhom qafas leġiżlattiv wieħed komprensiv u ħolistiku f’dan ir-rigward, temm jgħid id-deputat Nazzjonalista.