Internazzjonali

Coronavirus: Qabża kbira fl-imwiet f’ġurnata waħda

Każi ta’ infezzjoni fuq vapur tal-cruises fil-Ġappun

Ir-rapporti miċ-Ċina dwar il-coronavirus qalu li mietu talanqas 65 mill-effetti tagħha fi spazju ta’ 24 siegħa u li tellgħu l-ammont sħiħ ta’ imwiet ikkonfermati minn dan il-virus għal 490.

Il-parti kbira tal-imwiet seħħew fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan u l-madwar fejn kien feġġ il-virus fl-aħħar tal-2019, bl-aħħar ammont ta’ vittmi jkun l-akbar wieħed ‘ġdid’ irrappurtat għal ġurnata waħda.

Fl-aħħar sigħat issemmew ukoll żewġ imwiet mill-coronavirus barra ċ-Ċina u li kienu kkonfermati, rispettivament, fil-Filippini u f’Hong Kong. Jidher li fiż-żewġ każi l-persuni kienu spiċċaw infettati mill-virus waqt żjarat li huma għamlu fl-inħawi ta’ Wuhan.

Il-coronavirus, sadanittant, kompla jħarbat lill-iskedi tal-ajruplani, b’aktar minn 20 linja tal-ajru jissospendu inkella jirrestrinġu t-titjiriet lejn iċ-Ċina. Dan waqt li numru ta’ pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, qegħdin jipprojbixxu d-dħul għall-persuni kollha li jkunu għamlu żmien fiċ-Ċina tul dawn l-aħħar ġimgħatejn.

Fi żviluppi oħra, talanqas għaxar persuni fuq vapur tal-cruises fil-port Ġappuniż ta’ Yokohama testjaw pożittiv għall-coronavirus.

Fl-aħħar sigħat, mijiet minn fost it-3,700 persuna fuq il-bastiment ‘Diamond Princess’ kienu eżaminati għas-sintomi tal-virus, bl-awtoritajiet mediċi ma jeskludux li l-infettati fuq il-vapur setgħu jiżdiedu, meta l-eżamijiet kienu qed ikomplu.

L-eżamijiet mediċi fuq id-‘Diamond Princess’ bdew wara li marad raġel ta’ 80 sena minn Hong Kong li kien ivvjaġġa b’dan il-vapur matul ix-xahar li għadda.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tas-saħħa fiċ-Ċina qed jirrankaw l-isforzi biex irażżnu l-firxa tal-virus. Dan fost rapporti li madwar 18-il miljun residenti fiz-zoni lejn il-lvant tal-pajjiż qed ikunu suġġetti għal direttivi biex ma joħorġux minn djarhom.

Fil-belt ta’ Wuhan, l-epiċentru tal-virus, ħdax il sit enormi għall-avvenimenti pubbliċi u sportivi qegħdin jinbidlu fi sptarijiet temporanji bil-għan li jipprovdu eluf ta’ sodod addizzjonali għall-morda. Intant, fiċ-Ċina nbnew diġà żewġ sptarijiet ġodda f’qasir żmien mindu ħarġet il-konferma tal-coronavirus.

Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, qal, waqt diskors, li l-miżuri preventivi ta’ pajjiżu ‘qegħdin jipproduċu effett pożittiv’. Xi Jinping saħaq li ċ-Ċina tinsab fiduċjuża li tirbaħ il-gwerra kontra l-virus, b’dan il-kumment qed jidher relatat għall-kritika li kienet saret lill-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-mod kif huma trattaw l-epidemija fil-bidu tagħha.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat emerġenza tas-saħħa globali b’konsegwenza tal-coronavirus, iżda fl-istess ħin spjegat li s-sitwazzjoni għadha ma laħqitx il-livell ta’ pandemija – jew f’dan il-każ il-firxa ta’ marda ġdida fuq skala globali.

Madankollu, jibqa’ il-fatt li n-numru tal-każi tal-coronavirus fiċ-Ċina qabżu bi kważi 4,000 fil-jum tat-Tlieta biss – u għal aktar minn 24,300.

Fl-aħħar sigħat, ħarġu wkoll rapporti li l-Korea t’Isfel għandha żewġ każi tal-virus ikkonfermati f’artha, bl-Awstralja tikkonferma ‘it-tlettax il-każ ta’ infezzjoni’.

Sadanittant, l-organizzaturi tal-Olimpjadi ta’ Tokjo (fil-Ġappun) għal din is-sena qalu li jinsabu serjament ippreokkupati dwar il-firxa tal-coronavirus u l-impatt li jista’ ikollu fuq il-logħob imminenti.