Lokali Parlament

Il-gvern jimblokka d-diskussjoni fil-PAC dwar il-kuntratt ta’ €80,000 lil Konrad Mizzi

Id-diskussjoni se ssir wara li jingħata r-ruling tal-Ispeaker

Il-gvern imblokka d-diskussjoni fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar il-kuntratt ta’ €80,000 li l-Awtorità tat-Turiżmu tat lill-ex Ministru Kontrad Mizzi wara li dan kien irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu stess.

Dan sar wara li fil-ġurnata tal-bieraħ fil-parlament il-Whip Laburista Glenn Bedingfield talab ruling lill-Ispeaker fejn sostna li d-diskussjoni fil-PAC ma kellhiex issir minħabba li l-kuntratt lil Konrad Mizzi ma daħalx fis-seħħ.

Il-kumitat beda biex jiddiksuti s-suġġett tal-kuntratt ta’ €80,000 li l-MTA tat lill-ex Ministru Konrad Mizzi wara li dan irriżenja mill-kariga. Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Viċi-Kap Robert Arrigo kitbu lill-PAC biex jiddiskuti dan il-każ. Huq al li sal-bieraħ filgħaxija ma kienx hemm problemi fuq dan is-suġġett sakemm il-bieraħ filgħaxija l-Gvern talab ruling iżda sal-bidu tal-laqgħa ma kien kien ingħata ruling.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-Viċi-Kap Rodert Arrigo kitbu lill-PAC
biex issir diskussjoni dwar il-kuntratt lil Konrad Mizzi

Minbarra dan, skont diversi rulings tal-Kamra hu stabbilit li l-aġenda tal-PAC tiġi determinata miċ-chairman tal-istess kumitat. Dwar dan hemm diversi rulings fil-passat. Kieku l-gvern kellu oġġezzjoni, ma kellux iħalli propju sa ftit qabel il-laqgħa. Għalhekk, sostna ċ-Chairman Beppe Fenech Adami, il-PAC għandu jkompli bl-aġenda tiegħu. L-ewwel xhud kien il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg u l-ex ministru Konrad Mizzi.

Bħala Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami sostna li l-Ispeaker
ma kienx ta ruling u għalhekk id-diskusjsoni kellha tibda

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-gvern oġġezzjona għall-aġenda għaliex hemm dubju li dak li qed jintalab mill-Opożizzjoni hu fil-kompetenza tal-Kumitat. Hu qal li kull membru jista’ jikkontesta kull item fuq l-aġenda u jista’ jitlob vot fuq dan. Għalhekk il-Gvern se jitlob vot sakemm jingħata r-ruling mill-Ispeaker.

Il-Ministru Josè Herrera qal li qed jintalab vot fuq il-kompetenza u l-ġurisdizzjoni tal-PAC fuq is-suġġett minħabba li fil-fatt m’għaddewx flus fil-kuntratt lil Konrad Mizzi. Hu qal li jkun iktar prattiku li l-PAC ma jiddiskutix is-suġġett illum minħabba li dawn jistgħu ikunu dikjarati nulli jew li mhux suppost bdew.

Id-depuat Nazzjonalista Chris Said qal li hu ċar l-gvern ma jridx jiddiskuti dan il-kuntratt u sosotna li l-fatt li l-Gvern talab ruling fl-aħħar ħin kienet intenzjonata biex iżżomm lill-PAC milli jiddiskuti l-kuntratt. Dan il-kuntratt sar minn awtorità pubblika li jinvolvi spejjeż pubbliċi u li għalhekk jaqa’ skont ir-regoli tal-kumitati.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said sostna li l-intenzjoni tal-gvern hi
li jimblokka din id-diskussjoni

Hu sostna li minkejja li m’għaddewx flus, irid ikun skrutinizzat kif xi ħadd kien diġà rabat lill-MTA li tikkommetti €80,000 ma ex ministru li kien għadu kif spiċċċa mill-kariga u li kien għadu biex spiċċa mill-kariga. Hu qal li diversi rulings iħallu f’idejn il-kompetenza taċ-chairman dwar l-aġenda. In-nies qed jistennew ir-risposti dwar min għamel dan il-kuntratt, sostna Chris Said.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingield qal li l-Gvern irid biss li jkollu l-garanzija li din id-diskussjoni tkun skont ir-regoli tal-kumitat. Dan għaliex il-kuntratt kien annullat.

Id-deputat Nazzjonlista u Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adani qal li din il-laqgħa ilha miftehma ġimgħatejn u l-item tal-lum kien komunikat u dwaru saret diskussjoni iżda l-gvern ma qajjem l-ebda kwistjoni. Hu qal li hu m’għandu ebda ordni mill-Ispeaker jew talba biex il-kumitat ma jiddiskutix il-kuntratt skont l-aġenda.

Il-poplu Malti jistenna li l-PAC jibda jiddiskuti biex jara jekk għaddewx flus u jekk Konrad Mizzi ħax xi ħaġa jew le. Ħadd ma jaf għaddewx flus, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-Ministru tat-Turiżmu ma setgħetx tikkanċella l-kuntratt weħidha.

L-Oppożizzjoni trid tikkonferma jekk għaddewx flus, jekk hemmx implikazzjonijiet legali u jekk hux se jittieħdu passi kontra l-gvern minħabba li legalment il-kuntratt hu validu. Hu qal li l-Bambin biss jaf kemm għaddew flus f’dawn il-każi ta’ korruzzjoni li kien hawn. Beppe Fenech Adami spjega li l-PAC ilu ma jiltaqa’ xahrejn u nofs u għalhekk il-gvern għandu jaċċetta d-diskussjoni.

Il-Whip Laburista Glenn Bedingfield qal li l-gvern irid li l-kumitat jistenna l-pożizzjoni tal-Ispeaker. Il-Ministru Herrera staqsa x’jiġri jekk l-Ispeaker jagħti ruling li ma tistax isisr id-diskussjoni. Beppe Fenech Adami wieġeb li jekk dan isir, il-gvern ikun irnexxielu li jwaqqaf id-diskussjoni dwar il-kuntratt. Il-gvern qed jitlob biss li d-diskussjoni tkun sospiża.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-kuntratt jaqa’ fl-estimi finanzjarji tal-MTA sal-aħħar tal-2019 u għalhekk id-diskussjoni tista’ ssir. Il-kuntratt ingħata fid-9 ta’ Diċembru 2019 u għalhekk hu parti minn dawk l-estimi.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li l-kuntratt kellu jkun diskuss
għaliex dan jaqa’ fl-estimi tal-MTA għall-2019

Chris Said qal li anki jekk m’għaddewx flus lil Konrad Mizzi, għandu mhux stabbilit jekk ingħatax xufier u xi benefiċċji oħra. Dan hu kuntratt li ħab lill-gvern f’sitwazzjoni inprekattiva ħafna u għalhekk il-gvern qed jipprova jżomm milli ssir din id-diskussjoni. Iżda l-poplu jrid ir-risposti fuq dak li ġara. Il-poplu għandu dritt għal dan is-sodisfazzjon.

Id-deputat Nazzjonalista Alex Muscat qal li kien hemm każ f’kumitat ieħor fejn l-Ispeaker kien iddeċieda li diskussjoni ma kellhiex issir. Il-gvern m’għandu l-ebda problema li jiddiskuti l-kuntratt dment li jkunu rispettati r-regoli tal-parlament.

Il-Ministru Herrera qal li jekk l-Ispeaker iwaqqaf id-diskussjoni fil-PAC, il-fatt li d-diskussjoni tkun bdiet jista’ jkun sar preġudizzju. Hu ppropona li jkun hemm posponiment qasir sakemm l-Ispeaker jagħti r-ruling tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said qal li m’hemmx kwistjoni legali ħlief tfettieq mill-gvern. Dak li għamel il-gvern hu strateġija ċara b’direzzjoni minn fuq biex id-diskussjoni ma ssirx u ma jkunx magħruf min ordna li Konrad Mizzi jingħata l-kuntratt. L-Oppożizzjoni ssostni li d-diskussjoni għandha ssir. Ir-regoli tal-Kamra jispeċifikaw dwar kif għandu jaħdem il-PAC.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li hu l-Ispeaker li jiddeċiedi f’dawn il-każi tal-kumitati parlamentari. Il-gvern hu lest li jiltaqa’ meta jrid anki f’fora oħra. Il-gvern lest li hekk kif ikun hemm ruling tal-Ispeaker, issir id-diskussjoni fuq dan il-kuntratt.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li jekk id-diskussjoni ssir fis-sessjoni plenarja allura ma jkunx hemm xhieda kif jista’ jsir quddiem il-PAC. Hu sostna li bħala chairman ma kellu l-ebda ordni biex ma ssirx id-diskussjoni. Glenn Bedingfield talab li jittieħed vot biex l-aġenda ma tkunx diskussa sakemm ikun hemm ir-ruling tal-Ispeaker. Meta ittieħed il-vot, il-gvern rebaħ il-vot għaliex għandu l-maġġoranza tal-membri. Beppe Fenech Adami qal li l-gvern qed juża l-maġġoranza biex jimblokka din id-diskussjoni.