Sport Sport Ieħor

Il-kowċ ta’ Serena Williams b’messaġġ biex hi tibdel l-istrateġija tagħha

(Ritratt: Roland Garros)

Il-kowċ ta’ Serena Williams Patrick Mouratoglou qal li l-Amerikana trid tibdel l-istrateġija tagħha u taffaċċja r-realtà wara li għadha ma rebħitx Grand Slam minn kemm ilha li rritornat għat-tennis. Williams, rebbieħa ta’ 23 Grand Slam fil-karriera, tilfet erba’ finali ta’ Grand Slam minn meta welldet lit-tifla tagħha f’Settembru fl-2017. Ix-xahar li għadda kienet eliminata mit-tielet rawnd fl-Open tal-Awstralja.

 “Hi tħossha pożittiva, hi tħossha negattiva wkoll għaliex hu falliment meta ma tirbaħx Grand Slam. Irridu naffaċjaw ir-realtà iżda hi pożittiva li tista’ tagħmilha u kieku probabbli ma tkunx fuq court tat-tennis aktar,” qal Mouratoglou.

Wara li kienet megħluba minn Wang Qiang f’Melbourne, Williams kienet qalet li għamlet wisq żbalji biex tkun atleta professjonali. Mouratoglou ilu kowċ ta’ Williams mill-2012 u minn dak iż-żmien rebħet 10 Grand Slams.

Hi rritornat erba’ xhur wara li welldet lit-tifla Olympia, bl-għan ikun li tikser ir-rekord ta’ 24 Grand Slam li jinsab għand Margaret Court. F’Jannar hi rebħet l-ewwel titlu fi tliet snin bir-rebħ tal-Auckland Classic.