Lokali

Il-Prim Ministru jgħid li jiddjaloga…imma mhu jiddjaloga xejn

Il-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jinsisti li jiddeċiedi waħdu dwar il-metodu li se jintuża għall-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, u filwaqt li jgħid li “qed jiddjaloga”, jidher ċar li Abela mhu qed jiddjaloga xejn.

Net News għaldarboħra staqsih jekk hux se jkun qed jieħu l-proposta tiegħu u dik tal-Oppożizzjoni quddiem il-Venice Commission, biex jintagħżel l-aħjar metodu. U mir-risposta tiegħu, ħareġ ċar li Abela għadu ma ħax il-mudell tiegħu għall-iskrutinju tal-Kummissjoni Venezja.

Il-Prim Ministru kien skomdu ħafna wkoll iwieġeb dwar dak li ntqal ġimgħa ilu fix-xhieda ġuramentata waqt l-inkjestà pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn intqal li Egrant kienet tal-Partit Laburista. Minn dakinhar ‘l hawn, il-mexxej Laburista fl-ebda ħin ma ħareġ jiċħad dak li ntqal fil-Qorti.

Staqsejna wkoll lill-Prim Ministru jekk l-uffiċju legali tiegħu hux se jkun qed ikompli jbiegħ il-passaporti issa li martu m’għadhiex liċenzjata biex tagħmel dan. Hu assigurana li l-uffiċċju tiegħu mhux se jkun qed jibqa’ jbigħ l-iskema tal-Passaporti.

Robert Abela qiegħed jinsisti li din l-iskema għandha tinżamm, minkejja l-kritika ħarxa li qala’ Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat dwar il-bejgħ tal-Passaport Malti.