Lokali

Il-provvista inadekwata tal-ilma fl-iskola ta’ Raħal Ġdid hi ta’ periklu għas-saħħa – MUT

SITWAZZJONI LI QED TOĦLOQ PERIKLU GĦAS-SAĦĦA PUBBLIKA

Il-Union tal-Edukaturi (MUT) tat jumejn ċans lill-awtoritajiet tal-edukazzjoni sabiex titranġa l-qagħda sanitarja imwiegħra fl-iskejjel Primarja A u B ta’ Raħal Ġdid.

Stqarrija tal-MUT tgħid li l-pressa baxxa tal-ilma tagħmilha impossibbli biex wieħed juża l-faċilitajiet sanitarji fl-iskejjel, tant li l-edukaturi qed jispiċċaw jużaw il-latrini pubbliċi barra mill-iskola.

L-MUT qalet li din is-sitwazzjoni ilha għaddejja ix-xhur u issa saret iktar urġenti f’dan iż-żmien fejn l-awtoritajiet tas-saħħa qed iħeġġu biex kulħadd jaħsel idejh ta’ spiss biex ikun evitat il-mard fost l-għalliema u l-istudenti.

L-istqarrija ttemm li jekk il-problema ma tiġix indirizzata sa nhar il-Ġimgħa li ġej, l-MUT se toħroġ direttiva lill-għalliema biex ma jirrapportawx għax-xogħol it-Tlieta 11 ta’ Frar.