Lokali

Imħabbar ftehim bejn Caritas Malta u Alf Mizzi

Caritas Malta flimkien mal-Fondazzjoni Alf Mizzi habbru ftehim dwar support li qed jinghata għall-binja fil-Blata l-Bajda li se tkun iċ-ċentru ġdid ta’ Caritas fejn se tiġbor is-servizzi komunitarji kollha taħt saqaf wieħed.

Id-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt, irringrazzja lill-Bord tal-Amministraturi, l-istaff u l-voluntiera ta’ Caritas, lill-membri tal-bord ta’ The Alfred Mizzi Foundation ghal din l-ghajnuna.

“Il-viżjoni ta’ Caritas Malta hi li jiġi eradikat il-faqar, it-tisħiħ fl-iżvilupp tal-persuna u l-ħarsien tal-ġustizzja socjali. Il-bniedem jibqa’ ċ-ċentru tal-ħidma kontinwa ta’ Caritas.”

Dan iċ-ċentru ġdid se jiġbor fih l-amministrazzjoni ta’ Caritas u s-servizzi kollha mhux residenzjali li huma offruti lis-soċjetà fosthom il-counselling u s-social work li jagħmel interventi fejn ikun kriżijiet li jolqtu lill-familji, prevenzjoni fl-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol, il-gruppi kollha ta’ sapport li jingħataw, l-użura u l-kordinament tal-ħidma soċjali fil-parroċċi u tal-volontarjat. Hija binja ta’ 5 sulari fejn anki se jkollha sala li tospita sa 200 ruħ, drop in centre għall-komunità.

Julian Sammut, Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation spjega li wieħed mill-fatturi importanti li janalizza il-bord mhux biss kemm se jitqassmu fondi imma wkoll lil min.

“Caritas Malta għandha rekord bil-provi, mhux tal-ħidma għaqlija biss imma wkoll ir-riżultati li tikseb”, sostna Julian Sammut.

The Alfred Mizzi Foundation aċċettat li tagħti l-kontribuzzjoni ta’ 700,000 euro għal dan il-progett, biex din il-ħolma bdiet issir realtà.

Fi tmiem il-konferenza stampa, id-Direttur ta’ Caritas Malta ppreżenta tifkira tal-okkażjoni lic-chairperson Julian Sammut.