Internazzjonali

Ir-rebħa ta’ Pete Buttigieg…sinjal ċar mill-Amerikani jew riżultat “ta’ darba”?

Ħafna Amerikani għadhom ma jistgħux jidraw l-isem ta’ Pete Buttigieg. Dan il-kunjom Malti, għal ħafna hu diffiċli biex jitlissen. U huwa propju għalhekk li hu stess jirreferi għalih innifsu bħala ‘Pete’.

Ir-riżultat f’Iowa huwa meqjus sorpriża minn diversi aspetti – iżda xi jfisser eżatt?

Wara sigħat twal ta’ stennija minħabba intoppi fis-sistema tal-għadd tal-voti, Buttigieg (li missieru hu mill-Ħamrun) ġie l-ewwel vot fost il-kandidati tal-Partit Demokratiku fl-Istat Amerikan ta’ Iowa.

Il-vot f’Iowa jkun dejjem mistenni, u jitqies indikatur ewlieni tal-intenzjonijiet tal-elettorat Demorkatiku.

Buttigieg rebaħ 26.8 fil-mija tal-voti, filwaqt li l-politku veteran Demokratiku Bernie Sanders spiċċa fit-tieni post b’ 25.2 fil-mija tal-voti.

Buttigieg, li għandu 38 sena, hu wiċċ ġdid fil-Partit Demokratiku u qed jikkompeti kontra politiċi stabbiliti fosthom Joe Biden, li kien il-Viċi President ta’ Barack Obama li spiċċa fir-raba’ post wara Elizabeth Warren, b’ 15.6 fil-mija tal-voti.

Minkejja dan ir-riżultat, ħafna għadhom qed jistaqsu kemm Buttigieg kapaċi jirrepeti dan ir-riżultat fi New Hampshire, kif ukoll ix-xahar id-dieħel meta ssir il-votazzjoni fil-famuż Super Tuesday.