Lokali

“Kellu l-vokazzjoni li jferraħ” – Fr Victor Paul Farrugia

Ftit tal-ħin ilu ingħata l-aħħar tislima l-attur maħbub Belti, George Micallef.

Fil-Kolleġjata armata bil-lest għall-festa ta’ San Pawl, qraba u ħbieb inġabru biex jiċċelebraw il-ħajja ta’ George. Prezenti wkoll ħafna personalitajiet kemm tat-teatru kif ukoll tat-televiżjoni fost oħrajn.

Fl-omelija waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ hajtu, Fr Victor Paul Farrugia qal li George kellu l-vokazzjoni li jferraħ in-nies f’dinja li għandha bżonn ħafna ferħ.

L-akbar rigal li rċieva George, kienet il-fidi tiegħu, u se jibqa’ mfakkar żgur mhux biss għall-ferħ li xerred ma’ eluf ta’ Maltin, iżda anke għall-imħabba kbira li għaraf jagħti tul ħajtu, b’mod speċjali għal martu Carmen.

Imwieled fis-27 ta’ Diċembru 1943, George kien wiċċ sinonimu fuq NET Television sa mill-ftuħ tiegħu, b’għadd ta’ programmi popolari bħal Il-Ħadd it-Tajjeb, Sal-Misraħ u Forċina. Kien anke wieħed mill-preżentaturi li għal għadd ta’ snin għalaq il-Maratoni Ġbir ta’ Fondi li għenu biex l-istazzjon itejjeb il-programmi tiegħu.

Daħal fid-djar ta’ ħafna familji bis-sehem tiegħu f’sensiliet televiżivi u fuq il-palk, bħal Sisters, Ingroppi, il-Madonna taċ-Ċoqqa, Becky u KC, kif ukoll Fredu l-Fra, Bugħawwieġ u z-Zija ta’ Karlu, fost l-oħrajn. Kien jipparteċipa wkoll f’operetti u għal diversi snin ipproduċa u mexxa s-serata popolari Kantanapoli.

Il-karriera tiegħu fuq il-palk bdiet grazzi għall-għaqda tad-drama Gioventù Cattolica ma’ zijuh Pawlu Scerri. U fl-1975, hu fetaħ il-Valletta Dramatic Company ma’ Paul Mifsud. Ma’ din il-kumpanija, hu ħa ħsieb għadd ta’ produzzjonijiet, tant li baqgħet sinonima għall-operetti mtella’ regolarment fit-Teatru Manoel.

Minbarra l-qraba ta’ George, hafna kienu l-personalitajiet mid-djnja tat-teatru u tat-televiżjoni li kienu prezenti għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet il-kollega tagħhom. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.