Internazzjonali

Kundannat il-pjan biex Iżrael jgħaqqad miegħu l-artijiet tax-Xatt tal-Punent

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, permezz ta’ abbozz ta’ riżoluzzjoni, ikkundannat pjan ta’ Iżrael biex jgħaqqad ir-residenzi tiegħu fix-Xatt tal-Punent ma’ artu. Ir-reazzjoni intant qed titqies ukoll bħala kundanna għall-proposta tal-President Amerikan Donald Trump intiża għal paċi fil-Lvant Nofsni u li qed tidher li tiffavorixxi ‘ħafna’ lil Iżrael.

L-abbozz tal-kliem fir-riżoluzzjoni – ċirkulat mit-Tuneżija u l-Indoneżja – kien mistenni jiffaċċja veto min-naħa tal-Istati Uniti. Madankollu l-abbozz jirrifletti ċar ‘il-mod negattiv’ kif xi Stati-membri tan-NU qed iħarsu lejn il-pjan ‘ġdid’ għal-Lvant Nofsani li kien ħabbar Trump il-ġimgħa l-oħra.

Id-diplomatiċi qalu li n-negozjati dwar il-kliem tal-abbozz x’aktarx li jibdew din il-ġimgħa. Dan meta l-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, il-ġimgħa d-dieħla, mistenni jindirizza lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-pjan inkwistjoni. Mhux eskluż li d-diskors minn Abbas ‘jikkoinċiedi’ ma’ vot dwar l-abbozz tar-riżoluzzjoni.

Intant, ir-riżoluzzjoni mressqa ‘tenfasizza l-aspett illegali tal-inkorporazzjoni (ma’ Iżrael) intenzjonata ta’ kwalunkwe parti mit-territorji Palestinjani’. Ħarġet anki ‘kundanna għall-aħħar stqarrijiet dwar l-unjoni ta’ dawn it-territorji mal-art Iżraeljan attwali’.

Il-pjan ta’ Donald Trump hu prodott ta’ tliet snin ħidma minn Jared Kushner, il-konsulent ewlieni tal-President Amerikan.

Intant, il-pjan għandu jirrikonoxxi l-awtorità tal-Iżraeljani fuq ir-residenzi tax-Xatt tal-Punent u meta l-Palestinjani jkollhom jiffaċċjaw sensiela diffiċli ferm ta’ kundizzjonijiet biex ikunu permessi għal Stat tagħhom  — bil-lokalità tal-belt kapitali indikata għal villaġġ fix-Xatt tal-Punent, lejn il-lvant ta’ Ġerusalemm.

Mistenni li Jared Kushner, fis-sigħat li jmiss, jaġġorna lill-ambaxxaturi tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-pjan ġdid propost għal-Lvant Nofsani.