Atletika Sport

L-atleta veterana Fraser-Pryce b’attenzjoni lejn l-Olimpjadi f’Tokyo

(Ritratt: EPA)

L-erba’ darbiet rebbieħa tad-dinja fil-100 metru Shelly-Ann Fraser-Pryce qalet li temmen li tista’ tegħleb l-isfida tal-atleti żgħażagħ u tirbaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Tokyo.

L-atleta ta’ 33 sena, saret l-ixjaħ mara li rebħet titlu tad-dinja jew Olimpiku fil-100 metru, f’Doha f’Settembru li għadda. Hi rritornat fl-isport b’mod kompetittiv kmieni s-sena l-oħra wara li għamlet sentejn nieqsa minħabba li welldet lit-tifel tagħha Zyon.

“Definittivament nemmen li hi possibbli, meta wieħed jikkunsidra s-sena li kellu u l-lok għal titjib. Iż-żmien nieqsa tani l-ħin biex nerġa’ niffoka mentalment fuq l-għanijiet li rrid nikseb u qed inħares b’ottimiżmu biex nikkompeti fir-raba’ Olimpjadi tiegħi.”

L-atleta Ġamajkana rebħet il-100 metru fl-Olimpjadi ta’ Beijing fl-2008 kif ukoll f’Londra fl-2012. Hi kisbet il-bronż wara Elaine Thompson u Tori Bowie fl-aħħar Olimpjadi f’Rio. Fraser-Pryce qalet ukoll li mistennija tikkompeti fil-200 metru.