Il-Kamra tar-Rappreżentanti, flimkien mal-istat Malti, qed jonqsu bi kbir lill-vittmi tal-vjolenza domestika meta ma jagħtux widen għall-karbiet tagħhom u jinkinsu l-problemi li jaffaċċjaw taħt it-tapit meta l-kwistjoni ma tkunx topika.
Saħqet dan Claudette Buttiġieġ, kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet Indaqs, fil-Parlament dwar il-liġi li temenda l-kodiċi kriminali b’rabta mal-vjolenza domestika u l-protezzjoni tal-minuri, liema abbozz l-Oppożizzjoni vvutat favur.
Tul id-diskors tagħha, id-deputat Nazzjonalista għamlet referenza għall-istqarrija li ħarġet l-għaqda mhux governattiva, SOAR, b’rabta mal-femiċidju tal-waħx li seħħ f’Ħaż-Żabbar nhar il-Ħadd fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar. Hija esprimiet id-dieqa tagħha għall-fatt li kienu ftit il-Maltin li attendew għall-protesta tat-Tlieta quddiem il-Parlament Malti kontra l-vjolenza domestika u meta l-poplu ma jkunx jimpurtah minn dan, din hija problema għal soċjetà demokratika.
L-istqarrija staqsiet liema mara jmissha tkun vittma tal-vjolenza domestika quddiem il-falliment tal-istat lil dina l-omm u lil uliedha li sfaw ltiema. Il-kelliema tal-Oppożizzjoni dwiet l-appell tal-għaqda SOAR biex qabel ma jkun se jilleġiżla, il-Gvern jagħti widen lil dawn l-għaqdiet komposti mill-vittmi nfushom u jikkonsulta lill-esperti li jħabbtu wiċċhom mal-għerq tal-problema biex itejjeb l-liġijiet. Kien fl-aħħar leġiżlazzjoni mressqa li l-Gvern żied bil-qabda l-barrieri għal dawn il-vittmi biex tinħarġilhom ordni ta’ protezzjoni meta faċilment seta’ ppreżenta liġi tajba minnufih flok heda jogħrok idejh biex jattakka l-Oppożizzjoni fuq il-mod kif tivvota.
L-appell ta’ Claudette Buttiġieġ kien li wasal iż-żmien li l-istat jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu billi joffri d-dritt ta’ protezzjoni mill-vjolenza domestika b’serjetà.
Huwa vera li l-maġġoranza tal-Pulizija fil-Korp jaqdu dmirhom bl-aktar mod eżemplari u dedikat minkejja l-limitazzjonijiet tar-riżorsi disponibbli, iżda d-deputat Nazzjonalista ddeplorat il-mod inuman kif jiġu trattati numru ta’ vittmi fl-Għases daqslikieku jitrattaw każ kwalunkwe minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli.
Hawn irreferiet għal każ li nstema’ mill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali ta’ vittma tal-vjolenza domestika li kellha l-isfortuna li l-każ tagħha kellu jinstema’ minn Pulizija li kien miftiehem mal-aggressur biex jisma’ x-xhieda tagħha wara tieqa miftuħa, bil-konsegwenza li l-aggressur għal kważi qatilha bid-daqqiet.
Claudette Buttiġieġ staqsiet kemm iż-żieda fil-baġit għal din il-pjaga soċjali humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problema. Il-Gvern irid jimpenja ruħu biex itejjeb l-indipendenza finanzjarja tal-mara billi jxejjen il-gender pay gap u bħalma titlob il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, joffri aktar taħriġ lill-Pulizija, lit-tobba u lill-infermiera, partikolarment tad-dipartiment tal-Emerġenza f’Mater Dei, kif jindirizzaw din il-vjolenza biex dan il-każ imdemmi ma jerġax jirrepeti f’dan id-deċenju.
//= $special ?>