Lokali Parlament Saħħa

L-ogħla protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika u tal-abbuż fuq il-minuri

Pajjiżna jeħtieġ ixejjen dawn iż-2 pjagi tas-soċjetà

“Jeħtieġ jintbagħat messaġġ b’saħħtu minn dan il-Parlament għal tolleranza żero għall-vjolenza domestika u l-abbuż tal-minorenni, 2 pjagi tas-soċjetà li jeħtieġu jinqatgħu darba għal dejjem”

Dan saħqu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sigurtà Nazzjonali u l-ġlieda kontra l-kriminalità, Beppe Fenech Adami, fil-Parlament dwar il-liġi li temenda l-kodiċi kriminali b’rabta mal-vjolenza domestika u l-protezzjoni tal-minuri, liema abbozz l-Oppożizzjoni vvutat favur.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan il-messaġġ inekwivoku għandu jintbagħat mill-Parlament issa aktar minn qatt qabel li pajjiżna t-Tlieta pajjiżna sebaħ għall-aħbar li nqatlet it-13-il vittma ta’ vjolenza domestika f’dan id-deċenju, vittma li kienet mara u omm ta’ 2 ulied. Il-liġijiet tal-pajjiż u dawk li jħaddmuhom għandhom jaġixxu bi spedezza u effiċjenza quddiem dawn il-każijiet.

Għalhekk huwa imperattiv li l-forzi tal-ordni jkollhom ir-riżorsi kollha meħtieġa biex jipprevjenu dawn ix-xeni atroċi. Kull każ li jiġi rrappurtat fl-għases, żgħir kemm hu żgħir, m’għandu qatt jispiċċa f’xi fajl iġemma t-trab, bħalma ġieli jiġri, imma għandu jiġi indagat u jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji.

Beppe Fenech Adami faħħar lil bosta mill-Pulizija u uffiċjali oħra li bil-limitazzjonijiet tar-riżorsi disponibbli għalihom, joħorġu ‘l barra minn triqithom biex jgħinu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, li ħafna mid-drabi dawn il-vittmi jkunu nisa u tfal li lanqas ikollhom il-kuraġġ jirrappurtaw. Hawn fakkar f’ċirkostanzi oħrajn meta l-vittmi marru fl-għases jitolbu għall-protezzjoni jew ċemplu għall-għajnuna u baqgħu bla kenn, wens u saħansitra affaċċjaw aktar vjolenza.

Huwa hawn li s-sistema ġudizzjarja tiddiżappuntahom, kompla l-kelliem tal-Oppożizzjoni, hekk kif meta jiskopri s-suspettat bir-rapport, isir aktar perikoluż u li kieku tittieħed azzjoni immedjata, jiġu evitati ħafna aktar delitti.

Id-deputat Nazzjonalista għamel elenku dwar kif il-liġi issaħħaħ id-difiża tal-minorenni li vittmi tal-vjolenza domestika, li b’konsegwenza t’hekk ibatu minn problemi psikoloġiċi, edukattivi u anki ta’ karattru. Dan iwassalhom jaffaċċjaw mard psikoloġiku, ansjetà kbira u saħansitru uħud isir delinkwenti fis-soċjetà.

Għalhekk, il-liġi se tħarrax il-pieni kontra min jabbuża, bħal fosthom priġunerija minn 6 xhur sa sentejn fuq min jazzarda jhedded b’vjolenza domestika fuq l-individwu jew il-propjetà tiegħu. Il-minorenni se jiġu mħarsa sa 16-il sena u min jinstab ħati li kkorrompa tfal taħt l-età, ma jitħalliex jagħmel kuntatt mat-tfal qatt aktar.

Intant, fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Parlament żamm minuta ta’ silenzju bħala tislima għall-vittmi kollha ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna fuq proposta tad-deputat Nazzjonalista.