Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Ifeġġ isem Joseph Muscat

Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-13 ta' Frar

Quddiem il-Magistrat Rachel Montebello, kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, akkużat bil-kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

13.14: Il-każ ikompli l-Ħamis, 13 tax-xahar.

13.12: Melvyn Theuma jkompli jixhed fis-seduta li jmiss, meta jkomplu jinstemgħu aktar recordings u jsir il-kontro-eżami mid-Difiża.

13.04: Yorgen Fenech qal lil Melvyn Theuma li Keith Schembri mar jitkixxef mal-Imħallef Antonio Mizzi biex ikun jista’ jinforma lix-“Xiħ” … b’referenza għal Joseph Muscat, kif irriżulta f’seduta oħra.

13.01: Fir-recording, Yorgen Fenech jgħidlu li kien għalih, kien jitfa’ lil Daphne Caruana Galizia għal isfel. Dak il-ħin, huma kienu għoli ta’ 21 sular.

12.55: Melvyn Theuma jgħid li kien Yorgen Fenech stess li qallu li kien mistieden għall-festin li sar fil-Girgenti għal għeluq snin Joseph Muscat.

12.47: Jissemma’ speċifikament “Joseph”, b’Theuma jikkonferma li Fenech kien qed jirreferi għal Joseph Muscat. Fir-recording jingħad li anke “Joseph” kien “indannat” meta sar jaf x’ġara.

12.41: Fir-recordings jissemma’ l-laqam “Maskar”, allegatament ta’ persuni minn Haż-Żebbuġ. Iżda Theuma jgħid li ma jafx min huma.

12.38: Yorgen Fenech qal lil Melvyn Theuma li Vince Muscat kien lest jikxef dwar seba’ każi oħra ta’ qtil, iżda mhux il-każ tal-HSBC.

12.36: “Hawn qiegħed taħt ġurament … qed ngħaqqad ir-referenzi għax f’dawn is-sentejn jien għext miegħu [ma’ Yorgen Fenech].” – Melvyn Theuma

12.33: Il-Qorti ma kinitx qed tara rabta ladarba ma ssemmewx ismijiet f’din ir-recording. Iżda Melvyn Theuma ċċara li kienu ftehmu li ma jsemmux ismijiet.

12.29: Fir-recordings jingħad li meta Yorgen Fenech qallu li l-bomba saret, Keith Schembri kesaħ. Schembri qal lil Fenech “kieku għidtli qabel, kont ngħinek”.

12.05: Jinstemgħu aktar recordings u jsiru korrezzjonijiet fit-transcripts.

11.57: Mistoqsi mid-Difiża, Melvyn Theuma jgħid li mhux ċert jekk iltaqax ma’ Johann Cremona f’ċirkostanza oħra, iżda żgur li ma tkellmux dwar il-każ.

11.55: “Ma’ Kenneth Camilleri ltqajt darbtejn biss. U darba oħra, Kenneth ċempel lil Johann [Cremona] u kellimni biex jgħidli li l-Pulizija ma jafu xejn fuqu.” – Melvyn Theuma

11.52: Melvyn Theuma jgħid li ma jafx jekk Johann Cremona kienx jaf lil Keith Schembri.

11.51: “Johann Cremona kien postman – jien ngħid lil Johann u hu jgħid lil Yorgen [Fenech].” – Melvyn Theuma.

11.48: Fix-xhieda, joħroġ li Kenneth Camilleri kien jaf min hu l-mandant billi ta lil Melvyn Theuma tliet numri tal-mobile, fosthom wieħed antik ta’ Theuma stess. L-ebda numru ma rriżulta li kien ta’ Yorgen Fenech. Ix-xhud ma jafx jekk Camilleri ġabx in-numri mis-Servizzi Sigrieti.

11.44: Mistoqsi mill-Avukat Marion Camilleri, Melvyn Theuma tenna li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu “biċċa waħda”, tant li darba saħansitra Schembri bagħatlu (lil Fenech) ritratt ta’ fenek li kien qed isajjar.

11.40: Is-seduta tkompli …

11.20: Is-seduta titwaqqaf għal ftit minuti, bil-Maġistrat toħroġ mill-Awla.

11.14: Melvyn Theuma jgħid li meta sar jaf li l-Koħħu kien se jibda jiżvela d-dettalji, hu ħass li beda t-tradiment fil-konfront tiegħu. Sa minn dakinhar beda jfittex Avukat. Ipprova jċempel lill-Avukat Jason Azzopardi biex ikellmu dwar “il-każ il-kbir”, iżda Azzopardi qallu li kien imsiefer u kellu jkellem lill-Avukat Karol Aquilina. Theuma jgħid li waqgħetlu l-battery tal-mobile umbagħad ma reġa’ ċempel lil ħadd. L-Avukat Azzopardi kkummenta li ma jiftakarx li seħħet din it-telefonata.

11.06: Melvyn Theuma jgħid li għandu recordings ma’ Yorgen Fenech biss biex jgħatti lilu nnifsu … mal-aħwa Degiorgio ma ħassx il-ħtieġa.

11.03: Mistoqsi mill-Avukat Azzopardi, Melvyn Theuma jgħid li ma kienx jaf b’chat fuq Whatsapp bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat.

11.01: “Ma kellix mod kif nikkuntattja lil Keith [Schembri] għax kieku, kont inkellmu direttament jien u ma kontx ngħaddi through Yorgen [Fenech].” – Melvyn Theuma

10.54: Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi, li hu parte civile ghall-Familja Caruana Galizia, Melvyn Theuma kkonferma li r-recording saret fl-2018.

10.47: Melvyn Theuma jinsisti li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu “biċċa waħda”.

10.45: Fl-Awla, Yorgen Fenech iċaqlaq rasu u jidher igedwed minn taħt bħal qisu mhu jaqbel xejn ma’ dak li qed jgħid Melvyn Theuma. Minn ħin għall-ieħor, ikellem lill-Avukati tiegħu.

10.40: “Kenneth Camilleri qalli biex inkellem lill-aħwa Degiorgio biex ngħidilhom li se jieħdu l-pledge u se jitħallsu miljun ewro.” – Melvyn Theuma

10.37: “Għalija, Kenneth Camilleri kien xufier ta’ Joseph Muscat, imma Yorgen Fenech qalli li mhux hekk. Imma jien hekk konvint li hu.” – Melvyn Theuma

10.34: “Assumejt li la hemm Kenneth Camilleri involut, hemm involut ukoll Keith Schembri” – Melvyn Theuma

10.31: Minn fuq il-pedana, Melvyn Theuma jikkonferma li fir-recording jinstemgħu hu, Yorgen Fenech u t-tfal tiegħu.

10.28: Fir-recordings jissemmew diversi suġġetti differenti: jispikkaw il-futbol u l-logħob taċ-Champions League, fost ħafna storbju u ilħna ta’ tfal. Imma jissemma’ wkoll il-“pledge” u anke “Kenneth”.

10.21: Bħalissa, dawk preżenti qed isegwu r-recordings ta’ Melvyn Theuma.

10.05: Wara waqfa qasira, Melvyn Theuma jitla’ fuq il-pedana biex isegwi r-recordings. L-Ispettur Keith Arnaud jiċċara li wara s-smigħ tar-recordings, jistaqsi mistoqsijiet lil Theuma.

Aktar kmieni: Esperta tal-Qorti ppreżentat transcripts ta’ 60 minn 130 recording li nstabu fil-pussess ta’ Melvyn Theuma, il-middleman fil-każ.

Fl-Awla, preżenza qawwija ta’ sigurtà, partikolarment madwar Yorgen Fenech. Minbarra għadd ta’ ġurnalisti, preżenti wkoll membri tal-familja Caruana Galizia.