Max Verstappen qal li qed jimmira biex jirbaħ il-kampjonat din is-sena, hekk kif iddeskriva lil Lewis Hamilton bħala “tajjeb imma mhux Alla.”Hamilton li ddomina l-isport fl-aħħar snin, kiseb ħamsa mill-aħħar sitt titli u qed iħares li jilħaq ir-rekords ta’ Michael Schumacher f’dan l-istaġun.
L-isfidant ewlieni jista’ jkun iż-żagħżugħ Max Verstappen. L-Olandiż diġà kiseb tmien rebħiet fil-karriera u s-sena l-oħra kellu serje ta’ tlielaq konsistenti iżda ma kellux il-karozza b’saħħitha biżżejjed biex tissielet għar-rebħ tal-kampjonat, fl-ewwel staġun ta’ Red Bull b’magna Honda.
It-tim ta’ Verstappen għamel titjib lejn tmiem l-istaġun, bis-sewwieq ta’ 22 sena ħeġġeġ lit-tim biex iżid il-ġlieda kontra Mercedes f’kull tellieqa f’dan l-istaġun. “Ovvjament nippruvaw nagħmlu aħjar mis-sena l-oħra, irridu nissieltu għat-titlu. Is-sena l-oħra f’xi tlielaq ma stajniex nissieltu imma trid tiġbor punti kemm jista’ jkun.”
Verstappen kompla li jittama li dan l-istaġun jissieltu għal podju f’kull tellieqa. Hu żied li ż-żmien jagħti parir dwar dak li se jagħmlu din is-sena iżda saħaq li qed jagħmlu minn kollox biex itejbu l-livell tagħhom.
Red Bull jemmnu li dan l-istaġun se tkun ġlieda bejnhom, Mercedes u Ferrari filwaqt li Verstappen jittama li jkollu karozza li għall-ewwel darba jkun jista’ jisfida għar-rebħ tal-kampjonat. L-Olandiż qal diversi drabi li jkun jista’ jegħleb lil Hamilton jekk ikollhom l-istess karozza.
“Lewis hu veru tajjeb u definittivament hu wieħed mill-aqwa. Hu mhux Alla, forsi Alla hu miegħu imma mhux Alla. Meta tkun tista’ tifa’ l-pressjoni u diffiċli ħafna għal min ikun quddiem. Jekk qatt ma jkollu pressjoni, jista’ jsuq għal madwar 97% u 98% u qatt ma jagħmel żball.
L-ewwel tnedija ta’ karozza għal dan l-istaġun se tkun ta’ Ferrari fil-11 ta’ Frar, qabel jibdew it-testijiet ta’ qabel l-istaġun fid-19 ta’ Frar. L-ewwel Grand Prix issir fl-Awstralja fil-15 ta’ Marzu.
//= $special ?>