Lokali Qorti

MILL-QORTI: Il-famużi recordings ta’ Yorgen Fenech u Melvin Theuma

B'kollox hemm 130 recording bejn Fenech u Theuma

Hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fil-każ tal-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, dalgħodu fil-Qorti instemgħu l-famużi recordings fejn fihom jispikka fost l-oħrajn l-isem ta’ Keith Schembri – dak li kien l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat.

Fil-bidu tas-seduta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, espert tal-Qorti preżentat lill-partijiet kollha t-traskrizzjoni ta’ 60 recording.

Għalkemm partijiet mir-recordings u t-telefonati li ġew preżentati fil-Qorti ma jinstemgħux ċar, partijiet oħra huma sinifikanti ferm għal dan il-każ.

F’ħin minnhom, Melvin Theuma (il-persuna li ingħata Maħfra Presidenzjali) jinstema’ jgħid lil Fenech biex ikellem lil Keith Schembri u ssir pressjoni ħalli l-aħwa Degiorgio – li jinsabu arrestati dwar dan il-każ – jingħataw il-bail.

Keith Arnaud qed imexxi l-Prosekuzzjoni. L-avukat Jason Azzopardi qed jidher għall-familja Caruana Galizia. L-avukati Matthew Brincat u Kathleen Calleja Grima qed jassistu lil Theuma filwaqt li l-avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri qed jidhru għal Fenech.