Lokali

Mirduma l-fdalijiet li nstabu waqt ix-xogħol marbut mas-Central Link Project

Il-fdalijiet arkeoloġiċi f’Ħ’Attard li nstabu waqt ix-xogħolijiet marbuta mal-proġett ta’ Central Link bħal ma’ ġew ser jitilqu daqslikieku qatt ma kienu.

Dan wara li l-fdalijiet fi Triq Ferdinand Inglott spiċċaw intradmu lesti sabiex jinxteħet it-tarmac fuqhom u jkomplu bix-xogħol – ġimgħatejn wara li Infrastructure Malta kienet sfurzata twaqqaf parti mix-xogħol relatat mal-proġett tas-Central Link wara s-sejba.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-fdalijiet imorru lura għal żmien ir-Rumani u aktarx li kienu jservu bħala gandotti għat-tisqija tad-dwieli.

Kelliema fuq il-midja soċjali għal Attard Residents Environmental Networks saħqu li ġew skoperti aktar fdalijiet filwaqt li għal kemm-il darba opponew dan il-proġett, li ser ikun qed jgħaddi mill-qalbha tar-raba’ ta’ Ħ’Attard.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti l-Ministru Ian Borg, kemmxejn perpless u mitluf fi kliemu, kien stqarr li ma kellux idea bil-fdalijiet li kienu nstabu – aktar minn 24 siegħa wara li l-aħbar dwiet fuq kull pjattaforma tal-midja.

Huwa kien saħaq li minkejja li ma kienx mgħarraf b’dak li seħħ, kien konvint li Infrastructure Malta kienet ser tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji.

U hekk donnu seħħ, l-għaliex bħal ma ntqal fuq il-paġna Attard Residents Environmental Networks; “Now you see them, now you don’t.”