Tibda tirranka it-tiġrija għall-elezzjonijiet Presidenzjali fl-Istati Uniti lejn l-aħħar ta’ din is-sena, fi klima fejn id-differenzi ideoloġiċi fil-pajjiż qed jispikkaw iktar minn qatt qabel.
Fl-aħħar indirizz fil-kungress Amerikan magħruf bħala State of the Union qabel l-elezzjoni ta’ Novembru, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li snin twal ta’ staġnar ekonomiku issa huma fil-passat.
Iżda t-tensjoni politika ħarġet fid-deher għal dak li ġara qabel u wara id-diskors ta’ Trump, hekk kif il-President Amerikan deher jirrifjuta jieħu b’idejn l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Nancy Pelosi li min-naħa tagħha, qattgħet il-kopja tad-diskors tal-President.
Dan fl-isfond tal-proċess ta’ impeachment hekk kif is-Senat Amerikan, b’maġġoranza Repubblikana, illum mistenni jeħles lil Donald Trump mill-akkużi ta’ abbuż ta’ poter u tfixkil fil-proċess ta’ investigazzjoni.
F’Iowa: Buttigieg u Sanders fuq quddiem
Sadanittant, bdiet it-taqtiegħa fost il-kandidati Demokratiċi sabiex jiksbu n-nomina li jisfidaw lil Trump f’Novembru li ġej. Fil-votazzjoni fl-Istat ta’ Iowa, magħrufa bħala ‘caucuses’, jidher li Bernie Sanders kiseb l-ikbar ammont ta’ voti iżda Pete Buttigieg rebaħ l-ikbar ammont ta’ distretti fl-Istat.
//= $special ?>