Internazzjonali

Attakkati ġellieda ‘appoġġjati mill-Iran’ fis-Sirja

L-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael sparaw il-missili lejn diversi miri viċin il-kapitali Sirjana, Damasku, fejn intlaqtu pożizzjonijiet tal-Armata tas-Sirja u b’mod partikulari l-pożizzjonijiet ta’ milizji li qegħdin jingħataw appoġġ mill-Iran. Ingħad li fl-attakki nqatlu 12 minn dawn il-ġellieda (milizji).

Il-media Sirjana wieġbet li l-qawwiet tad-difiża mal-art ‘interċettaw il-parti kbira tal-missili’ u li l-attakki ħallew ‘numru ta’ midruba’.

Numru ta’ sorsi qalu li l-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani għaddew minn fuq il-Libanu u l-Għoljiet tal-Golan biex jiftħu offensiva fuq miri lejn in-nofsinar tas-Sirja. Ingħad li l-ewwel ‘mewġa ta’ missili’ kienet immirata għall-pożizzjonijiet militari fis-subborgi ta’ Damasku, bit-‘tieni mewġa ta’ missili’ tikkonċentra fuq l-inħawi ta’ Deraa, Quneitra u provinċji fil-madwar ta’ Damasku.

Filwaqt li ma kkummentawx dwar l-attakki, l-Iżraeljani rrikonoxxew ‘li fl-aħħar snin saru l-mijiet tal-attakki fuq is-Sirja biex jevitaw li l-Iran jikkonsolida l-bażijiet u interessi militari oħrajn fit-territorju Sirjan’.

L-Iran u l-gruppi alleati ta’ miegħu – fosthom il-moviment tal-militanti Xiti tal-Hezbollah ( tal-Libanu) – qegħdin jappoġġjaw lill-qawwiet leali għall-President Sirjan Bashar al-Assad fil-gwerra ċivili tas-Sirja.