Lokali Parlament Saħħa

Firxa ta’ droga aċċessibli faċilment fl-istabbilimenti tad-divertiment

Tal-anqas 2 ħabsin miżmuma f'ċelel gabuba

Huwa preokkuppanti li firxa wiesa’ ta’ droga, mill-kannabis għad-droga sintetika, mill-kannabis għall-ecstasy, hija aċċessibli faċilment madwar il-pajjiż, partikolarment għaż-żgħażagħ fl-istabbiliment tad-divertiment daqslikieku hija l-fattur determinanti għal-livell ta’ pjaċir f’lejla ta’ divertiment. Għalhekk tolleranza żero għandha tiġi applikata ma’ gruppi ta’ kriminali organizzata li jopera b’impunità f’Malta.

Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sigurtà Nazzjonali u l-ġlieda kontra l-kriminalità, Beppe Fenech Adami, fil-Parlament waqt id-dibattitu parlamentari dwar il-liġi li temenda Kapitlu 101 tal-Liġi ta’ Malta fuq l-ordinanza dwar il-mediċini perikolużi minħabba anomalija fil-liġi li kkawżat bosta inġustizzji kif saħqet il-ġudikatura.

Din kellha idejha marbutin tibgħat vittmi tal-kriminalità l-ħabs meta jkun evidenti li la fl-interess tal-persuna u lanqas tas-soċjetà li jsir dan biex jingħataw ċans ieħor biex jimxu ‘l quddiem. Il-ġudikant se jkollu d-diskrezjoni jiddisingwi minn traffikant tad-droga għal min hu vittma tal-vizzju u b’hekk titkattar il-ġlieda kontra min joqtol lil ulied Maltin.

Id-deputat Nazzjonalista ċanfar lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li tħabbeb ma’ nies li riedu jillegalizzaw id-droga għall-użu rikreazzjonali bil-għan li jiddevja d-diskussjoni tal-poplu minn fuq il-korruzzjoni rampanti fil-pajjiż u kien għalhekk li appella lill-Prim Ministru l-ġdid, Robert Abela, biex jiddikkjara li mhijiex fil-programm tal-Gvern, kif jixtieq il-poplu.

Hawn, Beppe Fenech Adami elenka kif mhuwiex minnu li l-problema tad-droga xxejnet mill-ħabs u fil-verità baqa’ ħafna xi jsir biex il-ħabsin joħorġu riformati mill-vizzju tad-droga. Hawn semma realtajiet xokkanti li fihom jgħixu l-priġunieri hekk kif f’ 200 ċella gabuba ta’ daqs 3 metri bi 3, jew 3 metri b’2 metri u 2 pulzieri minn 458 ċella intenzjonati għal priġunier wieħed, hemm aktar minn priġunier wieħed jgħixu, saħansitra sa 5 u 6 persuni. Dan it-trattament inuman ċarament jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-Gvern għandu jindirizza dan serjament.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħabs għandu jkun post ta’ dixxiplina u riforma li jħares id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk, se tingħaqad mal-Gvern f’din il-ġlieda kontra t-traffikkar tad-droga u tara li jagħti rendikont lis-soċjetà ta’ ħidmietu biex il-vittmi tad-droga jingħataw l-għajnuna kollha possibli biex joħorġu mill-vizzju.