Internazzjonali

Iċ-Ċina: Imut it-tabib li prova jqajjem l-ewwel allert dwar il-coronavirus

Il-kriżi tal-coronavirus qed tkompli fost l-iżviluppi kontinwi u meta issa ġie rappurtat li t-tabib Ċiniż li pprova jagħti l-ewwel twissijiet dwar l-epidemija spiċċa jitlef ħajtu mill-effetti tal-virus.

It-tabib, Li Wenliang, kien qed jaħdem ta’ optalmoloġista fl-isptar ċentrali ta’ Wuhan meta hu, fl-aħħar tas-sena, wissa lill-kollegi mediċi dwar l-ewwel indikazzjonijiet allarmanti relatati għall-virus. Hu wara kien ġie mwissi mill-pulizija biex ma jkomplix jitkellem waqt li l-awtoritajiet Ċiniżi pruvaw jaħbu din l-aħbar.

Skont l-aħħar ċifri il-coronavirus ġdid qatel mal-565 persuna, fil-parti kbira net, minbarra li infetta ‘il fuq minn 28,000.

Rapporti aktar qabel qalu li tarbija li twieldet fiċ-Ċina nstabet li kienet infettata bil-coronavirus ġdid, sa 30 siegħa biss wara t-twelid. B’hekk, il-firxa tal-coronavirus laqtet ukoll lill-iżgħar pazjent fl-età fost il-mijiet ta’ persuni infettati, bl-aħħar rapport jgħidu li t-tarbija – li kienet tiżen mat-3.25 kilogramma mat-twelid – tinsab f’kundizzjoni stabbli u taħt osservazzjoni kontinwa.

It-tarbija twieldet fit-2 ta’ Frar fil-belt ta’ Wuhan li hi magħrufa bħala l-epiċentru tal-virus qerriedi Omm it-tarbija kienet ittestjat pożittiv għall-virus qabel welldet. Intant mhux magħruf eżatt kif il-coronavirus spiċċa trasmess mill-omm għat-tarbija.

Sadanittant, għaxar persuni oħra fuq vapur tal-cruises li qed jinżamm f’sitwazzjoni ta’ kwarantina ‘il hinn mill-port Ġappuniż ta’ Yokohama testjaw pożittiv għall-coronavirus biex tellgħu l-ammont ta’ pazjenti fuq il-vapur għal 20. Madwar 3,700 persuna fuq il-bastiment s’issa jinsabu fi stat ta’ lockdown fost l-inċertezza.