Lokali

“Il-Gvern ma jinteressah xejn mill-interessi tal-ħaddiema” – SĦPN

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista turi solidarjetà sħiħa mal-Environmental Health Officers tal-Gvern li ilhom għal dawn l-aħħar sentejn ippruvaw jikkonkludu l-ftehim kollettiv tagħhom. Dan kollu qed jiġi miżmum min-naħa tal-Gvern li f’dawn is-sentejn iltaqa’ biss 5 darbiet mar-rappreżentanti tagħhom.

Fi stqarrija huma qali li dan hu eżempju ċar ieħor ta’ kif il-Gvern Laburista jiġi jaqa’ u jqum mill-interessi tal-ħaddiema. SĦPN hija wkoll infurmata li dawn it-taħdidiet tant qed jieħdu fit-tul li bejn laqgħa u oħra jkun intesa x’intqal u jkollu jerġa’ jibda kollox mill-bidu.

Dan kollu qed isir biex il-ħaddiema ma jieħdux dak li ħaqqhom sabiex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom u tal-familja tagħhom. Għamlet sew il-UĦM Voice of the Workers li f’email li bagħtet lill-Gvern saħqet li jekk mhux se jsir progress sinifikanti f’dawn it-taħdidiet fil-ġimgħatejn li ġejjin ser jibdew azzjonijiet industrijali.

SĦPN huma infurmati li l-Gvern lanqas biss bagħat risposta għal din l-email!

Għal darb’oħra dan il-Gvern riċiklat, wera li jiġi jaqa’ u jqum mill-ħaddiem in ġenerali, sakemm mhumiex tal-qalba. Għalhekk il-UĦM sfortunatament sejjħet għall-azzjonijiet industrijali forsi l-Gvern juri nitfa rispett lejn il-ħaddiema impjegati tiegħu.

Dan is-sentiment jinħass ukoll f’dipartimenti oħra li ilhom għaddejin bin negozjati għall-ftehim settorjali ġdid, bl-iskuża fuq ilsien il-membri tal-Gvern tkun li kollox waqa’ lura minħabba l-kriżi politika li daħħalna fiha l-istess Gvern. Ara biex joffru l-eluf kbar ta’ liri għall-konsulenzi l-ġodda waqt li pajjiżna għaddejn minn dan it-taqlib u qtigħ ta’ qalb, hemmhekk ma sabux min għandu bżonn iffakkarhom!

Tags