Lokali

Kundanna ċara għall-vjolenza domestika

Ħtieġa li jkun hawn kampanja edukattiva

Kundanna ċara mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa għal femiċidju li seħħ il-Ħadd li għadda meta mara, omm ta’ zewgt itfal, ġiet aggredita b’daqqiet ta’ sikkina f’għonqha u f’wiċċha.  

Permezz ta’ stqarrija l-Kunsill qal li sfortunatament il-mara għadha vittma waqt li l-politiċi minflok qed jaħdmu biex iħarsu lil dawk vulnerabbli, qed “ifittxu li jitfgħu posts riċiklati fuq il-midja soċjali”. Il-Kunsill tan-Nisa appella biex tittieħed azzjoni… u azzjoni mhux permezz ta’ stqarrijiet iżda li tħares lill-mara vulnerabbli.

L-istqarrija tal-Kunsill tan-Nisa tghid li hemm bżonn li jitniedu kampanji edukattivi fl-iskejjel, fil-midja soċjali u fuq il-postijiet tax-xogħol, kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa.

F’Malta, hawn il-ħtieġa wkoll li dawk li jkunu vittmi ta’ dawn l-attakki jsibu s-sapport u l-assistenza. Jeħtieġ ukoll li f’pajjiżna jiżdiedu d-djar li jagħtu kenn lin-nisa vittmi u anki lil uliedhom.

Il-Kunsill tenna li hawn il-ħtieġa li rrapporti ta’ nisa li qed ikunu abbużati u msawta jittieħdu bis-serjetà, u jekk il-liġi mhux tħares lill-vulnerabbli, mela jsiru l-emendi neċċessarji biex il-liġi tħares lil dawk vulnerabbli.

Intant tul il-jum kien hemm stqarrija anke mill-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workes fejn elenkat numru ta’ punti li anki saru mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.  Fost l-oħrajn, l-assoċjazzjoni qalet li hemm il-ħtieġa li ssir aktar ħidma fejn ikun hawn aktar għarfien ta’ x’inhi relazzjoni tajba bejn il-koppja.

Li jkun hawn aktar fondi għal programmi għal dawk li huma vittmi, u għal dawk li jwettqu l-vjolenza.

L-assoċjazzjoni qalet li x-xogħol li jagħmlu s-social workers ħafna drabi ma jkunx apprezzat, u għalhekk jeħtieġ li tissokta l-ħidma f’dan is-settur biex din il-vokazzjoni tkompli tissaħħaħ.