Lokali

LeoVegas tirtira l-pjan tagħha li tespandi l-operat f’Malta

L-ebda ħsieb li LeoVegas titlaq minn Malta

Il-kumpanija LeoVegas, li tispeċjalizza fuq l-operat ta’ casinos onlajn u l-betting fuq l-isports, ħabbret li mhux se tkompli bil-pjan tagħha li tespandi l-operat f’Malta.

L-aħbar tasal hekk kif il-kumpanija bdiet timplimenta pjan ta’ ristrutturar għall-operat tagħha fir-Renju Unit, bl-iskop li tnaqqas l-ispejjeż tal-operat.

Dan apparti li matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija naqqset l-ammont ta’ impjegati tagħha, tant li madwar mitt persuna temmew l-esperjenza ta’ xogħol tagħhom ma’ din il-kumpanija.

It-terminazzjoni ta’ dawn l-impjegati wasslet biex LeoVegas ma kienx għad għandha bżonn li tespandi l-kwartieri ġenerali tagħha f’Malta għal binja ikbar. Jingħad li, b’din il-mossa, l-kumpanija se tiffranka mal-€1.7 miljun fis-sena fi spejjeż.

Net News hu infurmat li LeoVegas se ssaħħaħ dak li diġa’ għandha f’Malta, fejn fil-fatt sar investiment qawwi fil-post fejn joperaw f’Tas-Sliema. Il-kumpanija tħaddem mal-400 ruħ.

Il-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpanija hu maħsub li se jiswa’ €6.1 miljun iżda se jsarraf biex il-kumpanija tiffranka mat-€3.7 miljun fis-sena.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, rapporti oħra indikaw li r-Renju Unit tilef 65 kumpanija li bdew joperaw mil-Lussemburgu, l-Irlanda laqgħu 64 kumpanija waqt li Franza u l-Olanda rreġistraw 30 kumpanija kull pajjiż. Malta ma tissemmiex f’dan ir-rapport.