Lokali Qorti

Mara l-Qorti wara li nqabdet b’kilo u nofs eroina fl-ajruport

Mara, li skont il-Pulizija hija traffikanta tad-droga tressqet il-Qorti u nżammet arrestata wara li ġiet mixlija li kellha fil-pusses tagħha 1.5 kolos ta’ droga eroina.

Il-mara li hija ta’ nazzjonalità Afrikana u li għandha 31 sena, ġiet arrestata fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta wara li d-droga nstabet fil-bagoll tagħha.

Il-mara li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġbet mhux ħatja li mportat u li ftehmet ma’ ħaddieħor biex timporta d-droga u li kienet fil-pusses tad-droga eroina f’ċirkostanzi li juru li din ma kinitx għal użu personali tagħha.

Il-mara nfurmat lill-Qorti li fil-professjoni tagħha hija taħdem bħala ‘hairdresser’, kienet arrestata mill-ewwel hekk kif waslet Malta. Ma saret l-ebda talba għal libertà proviżorja f’dan l-istadju mill-Avukat Benjamin Valenzia, li deher għaliha bħala avukat tal-għajnuna legali.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, laqgħet żewġ talbiet minn naħa tal-Ispettur Kevin Pulis li mexxa l-Prosekuzzjoni, biex qabel kollox ma jissemmiex isem l-akkużata minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, u biex jiġu ffriżati l-assi kollha tagħha.