Lokali Qorti

Mhux ħati li pprova jtajjar persuna wara li nsulentaha

Raġel ta’ 41 sena ma nstabx ħati li pprova jtajjar persuna bil-vann tiegħu wara li nsulentah u dan wara li filmati minn cameras tas-CCTV urew li ma kienx il-każ. Ivan Stivala kien qed jiġi mixli b’akkużi ta’ feriti gravi, sewqan traskurat, li eċċeda l-limiti ta’ provokazzjoni u li ma kellux kontroll tal-karozza li kien qed isuq.

L-aktar akkuża gravi fil-konfront tiegħu kienet li huwa saq lejn ir-raġel bl-intenzjoni li jgħaddi minn fuqu. Dak li sa qabel is-sentenza kien l-allegat vittma qal fil-Qorti li huwa kien qed jaqsam it-triq, u dlonk ra vann ġej fid-direzzjoni tiegħu u ma kienx jaf jekk is-sewwieq kienx se jieqaf jew le.

Qal ukoll li s-sewwieq tal-vann għamillu ndikazzjoni li kien se jieqaflu biex jaqsam, u hu hekk għamel, iżda x-xufier saq fuqu biex itajjru. “Dak il-ħin tlaqt niġri biex nevitah, u nirringrazzja l-Alla li għamilt hekk għax kieku kien iweġġani żgur. Wara qalli ‘erġa’ oqgħod fin-nofs tu ngħaddi minn fuqek, pufta.’:”

“Staqsejtu għaliex kien qed jidgħi u joffendini u kompla jgħajjarni pufta u saq ‘l hemm,” qal ix-xhud. Xhud ikkonferma li sema’ l-insulti u li x-xufier qallu “darba oħra ngħaddi minn fuqek.”

Madankollu l-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li filmati mis-CCTV dwar l-inċident, u mhux biss evidenza oħra esebita, wriet lill-allegat vittma jaqsam it-triq bil-lajma kollha, jħares biss lejn il-lemin, meta karozza daret ma’ kantuniera u waqfet biex hu jaqsam.

Minn naħa tiegħu ir-raġel li kien qed jaqsam deher inċert dwar x’kien se jagħmel u waqaf f’nofs it-triq. Dak il-ħin, is-sewwieq deher isuq b’veloċità normali, bir-raġel jgħaġġel ftit u qasam it-triq.

Il-filmati ma wrew l-ebda reazzjoni minn naħa tal-persuna li kienet qed taqsam it-triq, bħal ma bediex iħares lura, kif normalment jiġri meta xi ħadd ikun qed jgħaddi xi nsulti. Il-Maġistrat Joe Mifsud innota li l-filmati jikkontradixxu ħafna mix-xhieda mogħtija, kemm mir-raġel li kien qed jaqsam u xhieda oħra.

Il-Maġistrat Mifsud qal li mill-provi kollha, ma tistax tasal għall-konklużjoni dik ta’ mingħajr dubju raġonevoli li Stilvala huwa ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, speċjalment jekk wieħed joqgħod mal-filmati li ma jikkorroborawx x-xhieda tal-Prosekuzzjoni. L-Avukat Ezekiel Psaila deher għal Stivala.