Internazzjonali

Riżenja f’Thuringia u terremot politiku fil-Ġermanja

Politiku liberali li kien elett Prim Ministru fl-Istat ta’ Thuringia wara appoġġ mingħand l-estremisti tal-lemin tal-AfD ħabbar ir-riżenja tiegħu biex iwitti t-triq għal elezzjonijiet ġodda f’dan l-Istat. Thomas Kemmerich, tal-FDP, qal li ‘kien qed jieħu dan il-pass inevitabbli’ wara li  l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, ikkundannat ir-riżultat tal-elezzjoni precedenti bis-sehem tal-AfD bħala ‘ħaġa li ma tinħafirx’.

L-elezzjoni ta’ Kemmerich f’dan l-Istat tal-Lvant – u wara li vvutaw għalih l-elementi lokali tal-AfD ( ‘Alternattiv għall-Ġermanja’) kienet qanqlet għadab nazzjonali u terremot politiku. Dan meta l-partiti tradizzjonali fil-Ġermanja, qabel, dejjem kienu rifjutaw forom ta’ ftehim mar-radikali tal-AfD  li għandu appoġġ sostanzjali f’Thuringia.

L-elezzjoni ta’ Ottubru għal Thuringia kienet intrebħet mill-Partit Die Linke, magħmul mir-radikali tax-xellug u li l-Kap tiegħu, Bodo Ramelow, tneħħa minn Prim Ministru waqt vot li sar f’nofs il-ġimgħa. F’dan il-vot, Kemmerich kien għeleb lil Ramelow b’45 vot kontra 44 u fejn, minbarra l-appoġġ tal-AfD, Kemmerich anki kiseb voti mingħand id-deputati lokali tal-FDP kif ukoll mingħand membri tal-Partit CDU ta’ Merkel.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja qalet, wara, li ‘din kienet ġurnata ħażina għad-demokrazija u disfatta għall-valuri antiki tas-CDU’.

Sadanittant, Kemmerich ftit tal-ħin ilu qal lill-ġurnalisti li l-FDP iddeċieda li jitlob ix-xoljiment tal-Parlament tal-Istat f’Erfurt ‘u biex titneħħa t-tebgħa tal-AfD permezz ta’ elezzjonijiet ġodda’.