Lokali

Sitta jinsabu taħt arrest b’rabta mas-cyber attack fuq il-BOV

L-awtoritajiet fir-Renju Unit intensifikaw il-ħidma tagħhom wara l-arresti li saru b’rabta mas-cyber attack fuq il-Bank of Valletta. Sitta huwa l-ammont b’kollox ta’ persuni li ġew arrestati b’rabta ma’ dan l-attakk fuq is-sistemi tal-BOV – attakk li kien seħħ fi Frar tas-sena li għaddiet.

Kollox jidher li dawn il-hackers kienu irnexxielhom jużaw numru ta’ kontijiet biex jirċievu fondi mill-bank, bl-ammont itella’ €13 il-miljun. Wieħed minn dawn il-kontijiet kien jinsab f’Belfast, u fih ġew trasferiti mad-€949,000.

Dawk li serqu dawn il-flus irnexxielhom biex b’dawn il-fondi jixtru numru ta’ oġġetti b’valur li anki jtella’ £110,000. Fost l-oħrajn inxtraw arloġġi Rolex minn ħanut f’Londra. Inxtraw ukoll karozzi tat-tip Jaguar u Audi.

Fit-22 ta’ Jannar kienu saru żewġ arresti f’Londra, u wieħed inżamm għal sigħat għall-interrogazzjoni. Fit-30 ta’ Jannar raġel kien arrestat f’Belfast.

L-għada fil-31 ta’ Jannar żewġ irġiel taw lilhom infushom lill-pulizija f’Belfast ukoll. Raġel ieħor ġie arrestat fl-ajruport ta’ Heathrow wara li rritorna miċ-Ċina fir-Renju Unit.

Is-sitta jinsabu miżmuma fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus, frodi u serq.

Intant f’kummenti li ta lill-media Ingliża, il-Kap tan-National Crime Agency ta’ Belfast, David Cunningham qal li din il-ħidma saret konġunta mal-Pulizija ta’ Malta. Huwa qal li l-punt tat-tluq tas-suspett kien meta kont bankarju f’Belfast intuża biex minnu jgħaddi ammont kbir ta’ flus.